Il-Papa f’Santa Marta: Il-Qalb iebsa titlef il-fedeltà, tikkalunja lill-Mulej


Il-Ħamis, 28 ta’ Marzu 2019: Illum il-Papa għamel stedina qawwija għall-konverżjoni waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Fir-riflessjoni dwar il-qari tal-ġurnata l-Papa widdeb li l-qalb li ma tismax leħen il-Mulej għal jiem, xhur u snin, issir qiesha art niexfa, mingħajr ilma, tibbies. Tant hu hekk li kull meta jiġrilha xi ħaġa ħażina twaħħal fil-Mulej u tikkalunjah.

Fil-Vanġelu Ġesù jgħid bla tlaqliq: Min mhux miegħi hu kontra tiegħi: jew qalbek hi ubbidjenti inkella tlift il-fedeltà, insista Fraġisku.

Bosta drabi aħna torox u ma nisimgħux leħen il-Mulej. Iżda l-aħbarijiet u t-tqassis nisimgħuhom dejjem. Il-Mulej iħeġġiġna biex nisimgħu leħnu u biex ma nwebbsux qalbna. Il-qari meħud mill-Profeta Ġeremija jiddeskrivi din l-esperjenza ta’ Alla quddiem il-poplu rasu iebsa li ma jridx jisma’. Dis-silta ta’ Ġeremija hi ftit jew wisq il-karba tal-Mulej, osserva l-Papa Bergoglio.

Alla jordna lill-poplu biex jisma’ leħnu u dan jorbtu mal-wegħeda tiegħu li se jkun dejjem mal-poplu. Iżda l-poplu ma semax, għalaq widnejh. Irridu nistaqsu lilna nfusna jekk aħna nġibux ruħna bħall-poplu l-magħżul. Huma baqgħu jimxu fuq dak li tgħidilhom il-qalb imniġġsa tagħhom u lill-Mulej tawh daharhom.

Bdew jgħidu: il-Mulej ma jiswa’ xejn, Hu jinsab hemm imma jien nagħmel li jiftilli. Infatti Alla, sa mill-ħruġ mil-Eġittu, jfakkarhom li kien bagħatilhom lill-qaddejja tiegħu, lill-Profeti, imma xorta ma semgħuhomx, anzi, webbsu aktar rashom u saru agħar minn missirijiethom. Il-fedeltà għebet.

Din hi l-mistoqsija li llum il-Knisja qed tagħmel lil kull wieħed u waħda minna: Jien tlift il-fedeltà tiegħi lejn il-Mulej? …..Iva, immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd. Imma l-fedelta tal-qalb tliftha? Qalbi bbieset, truxa, tħalli l-Mulej jidħol fiha?, tirranġa waħedha xi ħaġa ‘l hawn u ‘l hinn imbagħad tagħmel li jidhrilha?

Din hi l-mistoqsija li rridu nagħmlu matul ir-Randan għax biha nkunu qed neżaminaw qalbna. Il-Knisja llum qed tgħidilna biex ma nwebbsux qlubna għax meta bniedem ikollu qalb iebsa, li ma tismax lill-Mulej, kull darba li jiltaqa’ ma xi ċirkustanza li ma togħġbux, iwarrab lill-Mulej b’xi skuża, jikkalunjah u jmaqdru.

Hekk ġralu Ġesù ma’ niesu. Hu kien jagħmel il-mirakli, issokta Franġisku, biex juri li kellu s-setgħa jfejjaq il-qlub. Imma dawn l-irjus iebsa kif ġabu ruħhom, x’qalu?: Hu jkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul. B’hekk jikkalunjaw lill-Mulej u dan hu wieħed mill-aħħar passi qabel ma nirroftaw lill-Mulej għal kollox. L-ewwel ma nagħtuhx widen u nwebbsu qlubna u mbagħad ikun jonqos l-aħħar pass: id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu, issokta jgħid il-Papa Franġisku filwaqt li fakkar il-kliem iebes ta’ Ġesù li bih tintemm is-silta tal-Vanġelu.

Ġesù jipprova jikkonvinċihom, imma għalxejn. Fi kliem il-profeta, il-fedeltà għebet. U Ġesù jtemm bi frażi li lilna tista’ tgħinna: Min mhux miegħi hu kontra tiegħi. Ma nistgħux inkunu ma’ Ġesù jekk inżommu d-distanza bejnna u bejnu. Jew miegħu jew kontrih, jew fidili jew infidili.

Illum nistaqsu lilna nfusna: f’liema stat tinsab il-fedeltà tagħna lejn Ġesù? Insib xi skuża biex nirrifjuta lill-Mulej, biex nikkalunjah!

Fi tmiem l-omelija l-Papa fakkar li aħna msejħin biex induru lura lejn il-Mulej kif tħeġġiġna nagħmlu l-istedina tal-Vanġelu: duru lejja b’qalbkom kollha għax jien ħanin u twajjeb. Anki jekk qalbek iebsa, ma obdejtx, dejjem għandek iċ-ċans. “Jien ma ninsa lil ħadd. Kulma rrid hu li terġa’ lura għandi u jien nisna l-bqija kollu”. Dan hu żmien il-ħniena, qal il-Qdusija Tiegħu, niftħu qlubna biex Hu jidħol fina.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.