L-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2019: F’laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni ta’ parlamentari mir-Repubblika Ċeka u mir-Repubblika Slovakka, il-Papa Franġisku ħeġġiġhom biex jerġgħu jirrikorru għall-valuri nsara biex jibnu soċjetà akkoljenti u solidali. Il-Vanġelu, qalilhom il-Papa, ma jdgħajjifx l-element awtentiku tal-kulturi lokali imma jgħin biex jitqiegħedu fis-seħħ il-ġid, il-verità u s-sbuħija.
Skopru mill-ġdid ir-rabta sfiqa bejn il-Vanġelu u l-identità kulturtali tagħkom, qalilhom Franġisku. Jekk terġgħu tagħtu valur lill-għeruq insara, intom tibnu soċjetà li l-membri tagħha jagħrfu jilqgħu lil xulxin u jkunu solidali ma’ xulxin.
Il-laqgħa ta’ dawk id-delegazzjonijiet mal-Papa kienet qed isseħħ fil-qafas tal-1150 anniversarju mill-mewt ta’ San Ċirillu, fl-14 ta’ Frar tas-sena 869.
Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II kien iddikjara lil Ċirillu flimkien ma’ ħuh Metodju, kompatruni tal-Ewropa, flimkien ma’ San Benedittu. Ċirillu huwa figura, qal il-Papa Bergoglio, li għaraf jinseġ relazzjonijiet ta’ għarfien reċiproku u kordjalità bejn il-popli u kien sar ħolqa li għaqqdet lid-diversi kulturi u tradizzjonijiet ekkleżjali.
Nawgura, issokta l-Papa, li wirt spiritwali u kulturali ta’ tant tifsir, fikom u fin-nies tal-pajjiżi tagħkom, ikebbes ix-xewqa tal-laqgħa u l-ftuħ lejn l-oħrajn. Ifisser li titgħallmu tgħejxu flimkien, minkejja d-diversità, permezz tad-djalogu, u billi tibnu pontijiet u tkissru l-ħitan tad-diffidenza u l-preġudizzju. Dawn l-atteġġjamenti jagħmluna xhieda tas-solidarjetà u bennejja tal-paċi.
Min-naħa l-oħra, saħaq Franġisku, il-missjoni tal-aħwa minn Tessalonika mmarkat darba għal dejjem l-istorja, l-arti u l-kultura kollha tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Slovakka. Minn żmien dawn iż-żewġ qaddisin, wasal sa għandna llum l-għana spiritwali u kulturali, patrimonju morali li għandu jkun imħares u valoriżżat dejjem aktar.
L-istorja tagħkom tgħallem li l-Kristjaneżmu minn dejjem kien l-għajn tat-tama u l-qawwa li timbotta biex terġgħu tqumu anki fiż-żminijiet l-akatr imdallma u iebsin.
Mill-Greċja, issokta l-Qdusija Tiegħu, Ċirillu u Metodju evanġeliżżaw lill-popli tal-Pannonja u l-Moravja u ħolqu wkoll dak li jissejjaħ “l-alfabett slav”, ittraduċew il-Bibbja fil-lingwa Slava li saret rigal kemm għall-ħajja reliġjuża kif ukoll għall-iżvilupp kulturali ta’ dawn l-artijiet.
Il-messaġġ Bibliku/kristjan kien ta’ fejda biex twieled l-istat ġuridiku kemm fil-pajjiżi tagħkom kif ukoll fl-Istati tal-madwar. Bil-kristjaneżmu mħabbar bil-predikazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, twettqet bidla epokali fis-soċjetajiet tagħkom.
L-opra ta’ evanġeliżżazzjoni tal-’appostli slavi’, afferma l-Papa, hija għalhekk mudell ta’ inkulturazzjoni li għadu validu fl-elementi essenzjali tiegħu. Infatti l-Vanġelu mhux talli ma jdgħajjifx kulma hu awtentiku fil-kulturi diversi tagħkom, talli jgħin lill-persuni u lill-komunità biex jagħrfu aħjar kif iwettqu t-tajjeb, il-verità u s-sbuħija.
L-awgurju li bih temm id-diskors tiegħu l-Papa Franġisku lill-politiċi ta’ dawk l-artijiet kien sabiex kuljum, bis-saħħa tal-funzjoni pubblika tagħhom ikunu protagonisti tal-fraternità, trasparenti, li ħadd ma jsib xi jmaqdar fikom, ħalli jkunu sostenituri tal-ġid komuni billi joffru t-tama lill-popolazzjonijiet tagħhom.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija