Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu bil-kuraġġ u l-ħeġġa mhux bit-telqa


Il-Ħamis 4 t’April 2019: Il-Papa Franġisku ċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta li għaliha kien preżenti f’forma privata l-President tar-Repubblika tal-Italja, Sergio Mattarella.

 

Fl-omelija tal-quddiesa l-Papa Franġisku qal li meta nitolbu għandna nkunu kuraġġużi, wiċċ imb wiċċ mal-Mulej, mhux bit-telqa, imma bil-ħerqa kollha ta’ qalbna. Huwa ħeġġiġna biex lil Alla nitolbuh b’dan il-mod.

It-talb, flimkien mal-karità u s-sawm, hu mod kif tul ir-Randan nitħejjew tajjeb għall-Għid. Biex ifiehem sew x’inhu t-talb ta’ interċessjoni l-Papa semma xi figuri mill-Bibbja: Mosè, Abram, Anna omm Samwel, il-mara Kagħnanija. Infatti, minħabba l-għoġol tad-deheb Alla jgħid: ‘Issa ħa nixgħel il-korla tiegħi fuqhom u neqridhom.’ Mosè talab bil-ħniena lill-Mulej u kellem lil Alla kemm bħala mgħallem u wkoll bħala dixxiplu. Mosè, issokta jgħid il-Papa Franġisku, jipprova jipperswadi lil Alla b’mod deċiż imma manswet, biex jerġa’ lura minn fehmtu, u jinterċedi għall-poplu. Fil-Bibbja, innota l-Papa, hemm bosta ċirkostanzi ta’ interċessjoni.

Hemm bosta eżempji ta’ talb ta’ interċessjoni fil-Bibbja u jrid ikollok il-kuraġġ biex titlob, innota Franġisku. Fit-talb hemm bżonn il-kuraġġ li lil Alla tkellmu wiċċ imb wiċċ. Xi kultant aħna nitolbu bit-telqa. Il-veru talb lill-Mulej, meta jkollna bżonn interċessjoni, għandu jkun talb kuraġġuż. Dan jgħodd ukoll għat-talb ta’ interċessjoni.

Ġesù jinsab fis-sema quddiem il-Missier biex jinterċedi għalina kif għamel qabel il-passjoni meta lil Pietru wiegħdu li kien se jitlob għalih biex il-fidi tiegħu ma tiġix nieqsa. U meta jiena nitlob, Ġesù jkun jitlob għalija dak il-ħin stess, ikun kif ikun il-mod li nitlob bih. Ġesù m’għandux għalfejn jitkellem quddiem il-Missier: jurih biss il-pjagi u l-Missier jara l-pjagi u jaqla’ l-grazzja.

Il-Papa temm jgħid li għandna nitolbu bil-kuraġġ u nitolbu lill-Mulej itina l-grazzja li nimxu f’din it-triq, li nitgħallmu ninterċedu, u meta xi ħadd jgħidilna biex nitolbu għalih ma nikkuntentawx b’xi żewġ talbiet żgħar, imma nitolbu bis-serjetà, fil-preżenza ta’ Ġesù, ma’ Ġesù li jinterċedi għalina lkoll quddiem il-Missier.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.