Kemm hi għażiża d-dar tiegħek


Il=Ħamis, 4 ta’ April 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta fl-Ewwel Anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja.

KEMM HI GĦAŻIŻA D-DAR TIEGĦEK

“Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej…” Hu dan li għedna fis-Salm illum. Hu dan li qed nistqarru proprju fl-ewwel anniversarju mill-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja, id-dar tal-Mulej.

Apprezzament tal-knisja kkonsagrata

Hi okkażjoni, qabel xejn, biex aħna napprezzaw din il-knisja sabiħa li sena ilu ġiet ikkonsagrata lill-Mulej. Din hi d-dar ta’ Alla. Sena ilu, fl-okkażjoni tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja, l-Arċisqof enfasizza l-kliem: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin”. Il-mistoqsija li smajna fl-Ewwel Qari “Imma tassew li Alla se jgħammar fostna?” għandha t-tweġiba tagħha hawnhekk: iva, tassew, Alla jgħammar fostna fid-dar tiegħu li hi l-knisja.

Ghalhekk illum niftakru kemm hi għażiża din id-dar ta’ Alla. Aħna niġu hawn biex inqimu lil Alla, nirringrazzjawh, infaħħruh, u nitolbuh. Hawnhekk niġu biex insibu lil dak li jista’ jagħtina l-paċi u l-ferħ f’qalbna. Hawn niġu b’dak kollu li nġarrbu f’ħajjitna u f’ħajjet dawk għeżież għalina – is-sabiħ u l-ikrah, dak li jferraħna u dak li jnikkitna – biex nippreżentawh lill-Mulej. Hawn niġu biex nitolbuh l-għajnuna għal tant nies oħra. Għalhekk, ngħożżu din id-dar ta’ Alla, dan it-tempju sabiħ.

Aħna lkoll poplu kkonsagrat lill-Mulej

Il-Festa tal-Konsagrazzjoni ma tiġix biss biex napprezzaw il-bini, din id-dar ta’ Alla. Tiġi wkoll biex niftakru f’dak li smajna fit-tieni qari fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin meta jfisser kif aħna “l-bini ta’ Alla”. Din il-knisja kkonsagrata, li fiha aħna niltaqgħu, tfakkarna fis-sejħa li aħna lkoll biex inkunu l-familja ta’ Alla li tinbena proprju hawn. Ilkoll ġejna kkonsagrati fil-magħmudija tagħna, u mogħtija din is-sejħa: biex ninbnew u nsiru l-familja ta’ Alla.

Santu Wistin għandu spjega sabiħa ħafna: jgħid li bħalma l-bini jitla’ ġebla fuq ġebla magħqudin flimkien, u ma jkunx hemm bini tajjeb jekk ma jkunx hemm din l-għaqda, hekk il-Knisja. Tinbena wkoll b’kull wieħed u waħda minna, li aħna lkoll ġebel ħaj li permezz tiegħu tinbena l-familja ta’ Alla. Din hi sejħa għalina lkoll, għax ilkoll ġejna kkonsagrati lil Alla fil-magħmudija tagħna. Aħna msejħin biex ngħixu din il-konsagrazzjoni flimkien bħala l-poplu ta’ Alla taħt it-tmexxija ta’ Pietru, li l-Mulej għamlu kap tal-Knisja tiegħu.

Ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna fil-ħajja ta’ kuljum

Hemm ħaġa oħra importanti li fha niftakru f’din il-Festa tal-Konsagrazzjoni. Aħna niġu hawn, f’dan il-post ikkonsagrat, biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, niċċelebraw l-Ewkaristija, u b’hekk nimtlew bil-qawwa u l-enerġija li jagħtina Alla. Dan jgħinna biex, imbagħad, nistgħu ngħixu ’l barra mill-bibien tal-knisja dak li niċċelebraw fil-knisja. Hu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li rridu ngħixu s-sejħa tagħna li għandna bħala persuni kkonsagrati lil Alla.

Hawn nistgħu naraw id-differenza bejn it-tempju pagan u t-tempju tagħna li nemmnu fi Kristu. Għall-pagani, it-tempju kien il-post fejn imorru, jagħmlu l-offerti tagħhom lill-allat biex jissoddisfawhom u jżommuhom kuntenti; imbagħad, meta joħorġu ’l barra mill-bieb tat-tempju, dik kienet ħajja oħra. Kienet ħajja bla ebda rabta ma’ dak li jiċċelebraw fit-tempju. ’Il barra mit-tempju kienu jagħżlu huma x’jagħmlu, kif jgħixu.
Għalina li nemmnu fi Kristu u li aħna kkonsagrati fil-magħmudija, m’hijiex hekk, jew aħjar, m’għandhiex tkun hekk. Aħna niġu f’dan il-post ikkonsagrat lill-Mulej biex hawnhekk il-Mulej jimliena bl-Ispirtu tiegħu ħalli mbagħad inkunu nistgħu ngħixu dan fil-ħajja ta’ kuljum. Għandu jkun hemm rabta sħiħa bejn dak li niċċelebraw f’dan il-bini kkonsagrat u dak li ngħixu fil-familja, fil-post tax-xogħol, fil-laqgħat flimkien, fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum – li ngħixuh bħala persuni kkonsagrati lil Alla bil-magħmudija. Hu meta jkun hemm tassew din ir-rabta li jikseb it-tifsira vera tiegħu dan il-post ikkonsagrat lil Alla.

Marija, meqjuma f’din il-knisja bħala Omm il-Karmelu, hija l-isbaħ eżempju ta’ dan. Hi turina kif nistgħu “nagħmlu dak li jgħidilna Hu”, skont il-parir li hi stess tagħti, mhux biss meta nkunu ’l ġewwa mill-ħitan tal-knisja, imma wkoll meta nkunu f’tant ambjenti oħra fil-ħajja ta’ kuljum.

Talbiet

Nagħmlulu dawn it-tliet talbiet lil Alla llum: li aħna ngħożżu dejjem din il-knisja kkonsagrata lilu u nħarsuha bħala post xieraq; li niftakru li aħna lkoll imsejħin biex inkunu ġebel ħaj fil-bini ta’ Alla permezz tal-konsagrazzjoni tagħna fil-magħmudija; u li ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum dak li niċċelebraw f’dan il-post ikkonsagrat lill-Mulej.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju