L-Isqof ta’ Għawdex jiltaqa’ mal-priġunieri f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu


Minn ġol-Kappella tas-Santwarju Ta’ Pinu, fejn is-Sibt li għadda (6 ta’ April 2019) iltaqa’ u talab ma’ grupp ta’ ħabsin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-Isqof Mario Grech stieden lis-soċjetà tagħna tibdel in-nuċċali li bih tħares lejn dawk li jkunu jiskontaw piena l-ħabs.

Fl-omelija tal-quddiesa, li għaliha kien preżenti grupp ta’ tletin priġunier, akkumpanjati minn tnax-il uffiċċjal tal-Faċilità, l-Isqof ta’ Għawdex saħaq li “l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jedukana biex naraw aħjar”.

B’riferenza għal-Lhud li fil-vanġelu tal-Ħadd li għadda ħadu adultera quddiem Ġesù biex jistaqsuh għandhomx iħaġġruha, l-Isqof innota li waqt li huma “kienu qed jaraw prostituta, adultera li nqabdet fil-fatt u għalhekk kien ħaqqha mhux biss il-kundanna imma l-piena kapitali”, “Kristu għandu ħarsa differenti” u jsejħilha “mara”, kif kien sejjaħ lil Ommu fit-tieġ ta’ Kana u taħt is-salib.

Waqt li għal-Lhud “il-liġi kienet hemm biex toħnoq, tgħakkes u tweġġa’”, għax kienu jimxu mal-ittra tagħha – “kienu jħobbu l-liġi imma mbagħad jinsew l-imħabba”, Ġesù “ma jidentifikax lill-persuna mal-iżball”, u għalih il-bniedem jibqa’ dejjem bniedem bid-dinjità tiegħu.

L-Isqof Grech jinnota kif “Ġesù biddel il-perspettiva”, meta quddiem dik il-midinba tbaxxa fl-art, biex ma jħarisx lejha minn fuq għal isfel, jiġifieri bħala “persuna b’sentenza ta’ kundanna”, imma minn isfel għal fuq, “persuna li, għalkemm żbaljat, għandha potenzjal u enerġija pożittiva biex timtela b’fiduċja, tħalli l-imgħoddi warajha u tibda triq ġdida fil-ħajja”.

Fid-dawl ta’ din il-“liġi ġdida tal-imħabba” li kiteb Ġesù, l-Isqof talab lill-Madonna “tgħinna nibdlu n-nuċċali tagħna biex inkunu nistgħu naraw aħjar”. Hi tista’ tifhem lil min qiegħed il-ħabs “għax hija Omm li kellha Binha fil-ħabs, kien ikkundannat u ngħata l-piena tal-mewt”.

Lill-priġunieri preżenti stedinhom jemmnu fihom infushom, minkejja l-iżbalji li għamlu. Saħaq li tinbidel ukoll il-perspettiva ta’ kif is-soċjetà tħares lejn il-ħabs u r-regolamenti tiegħu. Hawn hu stieden lis-soċjetà tagħna “tikkontempla l-imġiba ta’ Kristu mal-mara li żbaljat. Kristu jinżel fejn riġlejha. Huwa jmil quddiem dawk li huma umiljati, żarmati, iġġudikati u kkundannati. Huwa jinżel f’qagħda ibxax minnhom biex ikun jista’ jgħinhom jintrefgħu ’l fuq”.

Din kienet l-ewwel żjara li grupp ta’ priġunieri qatt għamel lis-Santwarju Ta’ Pinu kemm ilha mwaqqfa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u saret fl-okkażjoni tas-Sena Djoċesana Marjana f’Għawdex. Mal-Isqof ikkonċelebraw fost l-oħrajn Patri Hayden Williams u Patri Martin Mamo, żewġ patrijiet Kapuċċini li jservu bħala Kappillani tal-Faċilità.

F’din l-okkażjoni, is-Santwarju għamel donazzjoni ta’ xbieha kbira tal-Kwadru Ta’ Pinu għall-Kappella tal-Faċilità, kif ukoll kwadru żgħir tal-istess xbieha biex jingħata lil kull resident fil-ħabs. Min-naħa tagħhom, il-ħabsin irregalaw lill-Isqof l-arma tiegħu maħduma fil-ġebla Maltija minn wieħed minnhom u ħobż moħmi minnhom stess biex jingħata lil min hu fil-bżonn.

Għall-quddiesa kienu preżenti wkoll Michael Farrugia, Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, flimkien mad-Direttur Ġenerali u mas-Ceo tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.