IL-PERSEKUZZJONI


11. L-Erbgħa wara t-Tieni Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl għax għemilhom kien ħażin (Ġw 3, 19).

Ġesù ġie fid-dinja bħala l-mibgħut ta’ Alla. U għalhekk: “Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja” (Ġw 1,9). U tant ippriedka b’mod ċar u bil-qawwi li ħafna bdew jeħduha kontra tiegħu.

Dawn għamlu ostaklu għaliex ma ridux jafu bil-verità. Flok biddlu ħajjithom, irrikorrew għat-tattika ta’ persekuzzjoni lil Kristu. U tant għamlu minn kollox, li waslu biex sallbuh; ħasbu li hekk l-isem ta’ Kristu jispiċċa u jintesa bħalma ntesew ismijiet ta’ bnedmin oħra.

Iżda fit-tielet jum Ġesù qam glorjuż mill-imwiet biex ma jmutx aktar. Dawk li kienu kontrih u kontra s-sewwa, xorta waħda ma emmnux. U meta wara Għid il-Ħamsin, l-Appostli mtlew bl-Ispirtu s-Santu, u bdew ixandru lil Kristu fil-beraħ, bdiet il-persekuzzjoni kontrihom ukoll.

Din il-persekuzzjoni ma kinitx għaż-żmien ta’ wara l-Għid il-Ħamsin biss. Iżda hija xi ħaġa attwali li bdiet minn żmien Kristu u għadha sejra sal-lum. U proprju ħafna mill-qari ta’ wara l-Għid juri l-esperjenza ta’ persekuzzjoni li l-Appostli għaddew minnha meta ħarġu jxandru lil Kristu li kien imsallab iżda li qam mill-imwiet.

Kristu, bħala d-dawl, jista’ ma jintlaqax mhux biss billi l-ħażin jippersegwita lil dawk li jimxu wara Kristu, iżda wkoll permezz tal-ħajja ħażina tagħhom. Kristu Rxuxtat qiegħed jagħmlilna stedina biex nimxu warajh u hekk inkunu nimxu wara d-dawl, billi nissaportu kull tmaqdir għax aħna Nsara u wkoll billi nkunu ta’ eżempju tajjeb għalihom f’għemilna.

Min ma jimxix wara Kristu jkun jimxi fid-dlam spiritwali. Jista’ jkun qiegħed igawdi fid-dinja, iżda din ma tkunx tgawdija vera. Pjuttost ikun qiegħed jgħix f’dalma spiritwali. U dan jiġri lil bosta bnedmin. Meta ngħidu dan, għandna nkunu wkoll ottimisti li l-ħniena ta’ Alla hija hekk kbira li tibqa’ sal-aħħar tistenna u tħajjar għas-salvazzjoni anki lill-aktar qlub iebsa.