It-Tlieta, 30 ta’ April 2019: Nistgħu nitwieldu mill-ġdid ‘mill-faqar tagħna’, ‘mill-eżistenza midinba tagħna’ biss ‘bl-għajnuna tal-istess qawwa li qajmet lill-Mulej mill-mewt: bil-qawwa t’Alla’ u għalhekk ‘il-Mulej bagħtilna l-Ispirtu s-Santu.’ Waħedna ma naslux. Dan fakkru l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Kienet omelija kollha kemm hi dedikata lit-tweġiba ta’ Ġesù lil Nikodemu – is-silta tal-Evanġelju tal-lum (Ġw. 3, 7-15) – li staqsa kif dan seta’ jiġri. Mistoqsija li nagħmlu aħna wkoll. Ġesù jitkellem dwar ‘twelid mill-għoli’ u l-Papa spjega r-rabta bejn l-Għid u l-messaġġ tat-twelid ġdid. Il-messaġġ tal-qawmien tal-Mulej huwa ‘dar-rigal tal-Ispirtu s-Santu’. Infatti, fl-ewwel dehra ta’ Ġesù lill-Appostli fl-istess jum tal-qawmien, Hu jgħidilhom: ‘Irċievu l-Ispirtu s-Santu.’
Din hi l-qawwa! Aħna xejn ma nistgħu nagħmlu mingħajr l-Ispirtu, spjega l-Papa, filwaqt li fakkar li l-ħajja nisranija mhix biss l-imġiba tajba, li tagħmel dik il-ħaġa jew ma tagħmilx l-oħra. Aħna nistgħu inġibu ruħna hekk: nistgħu niktbu l-istorja ta’ ħajjitna ‘bil-kaligrafija Ingliża’, imma l-ħajja nisranija titwieled mill-ġdid mill-Ispirtu u għalhekk jeħtieġ nagħmlulu l-wisa’. Huwa l-Ispirtu li jqajjimna mill-ġdid mil-limitazzjonijiet tagħna, mill-imwiet tagħna, għax aħna mimlijin bihom. Hemm tant nekrożi fil-ħajja tagħna, f’ruħna. Il-messaġġ tal-qawmien huwa dak li Ġesù jagħti lil Nikodemu: hemm bżonn titwieled mill-ġdid. Imma kif se jagħmel wisa’ għall-Ispirtu?
Ħajja nisranija, li tissejjaħ nisranija, li ma tagħtix wisa’ lill-Ispirtu u ma tħallihx imexxih ’il quddiem Hu, hi ħajja pagana bil-maskra nisranija. L-Ispirtu hu l-protagonista tal-ħajja nisranija: l-Ispirtu – l-Ispirtu s-Santu – li qiegħed ħdejna, jittrasformana, jirbaħ magħna. Ħadd ma tela’ s-sema ħlief dak li niżel mis-sema, jiġifieri Ġesù. Hu niżel mis-sema. U fil-waqt tal-qawmien, Hu jgħidilna: ‘Irċievu l-Ispirtu s-Santu; se jkun il-kumpanija tagħkom fil-ħajja, fil-ħajja nisranija.’
Għaldaqstant ma jistax ikun hemm ħajja nisranija mingħajr l-Ispirtu s-Santu, li hu l-kumpann tagħna ta’ kuljum, rigal tal-Missier, rigal ta’ Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej itina l-grazzja li nkunu konxji li ma nistgħux inkunu Nsara jekk ma nimxux mal-Ispirtu s-Santu, jekk ma nikkoperawx mal-Ispirtu s-Santu, jekk ma nħallux lill-Ispirtu s-Santu jkun il-protagonista ta’ ħajjitna.
Għalhekk jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna x’post għandu f’ħajjitna, għax, tenna l-Papa, int ma tistax timxi fil-ħajja nisranija mingħajr l-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nifhmu dan il-messaġġ: il-kumpann tagħna fil-mixja huwa l-Ispirtu s-Santu.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber