IT-TBATIJA GĦAL KRISTU ĠĠIBILNA FERĦ


28. Is-Sibt wara r-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Iżda d-dixxipli kienu mimlijin bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu ( Atti 13, 52).

Naraw qabelxejn il-kuntest ta’ dan il-vers. San Pawl u San Barnaba kienu jippredkaw l-Vanġelu iżda l-Lhud qajmu persekuzzjoni kontrihom tant li tkeċċew ‘il barra minn Antijokja ta’ Pisidja. Titkeċċa ‘l barra minn ġo belt, bit-tgħajjir u ż-żufjett, mhix esperjenza sabiħa …

Iżda huma kienu mimlijin bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu. U hawnhekk naraw l-effetti ta’ min jagħmel kollox għal Kristu. Veru li jkollu jbati iżda wara hemm ir-rebħa. U proprju dan huwa għaliex Kristu huwa rebbieħ. Il-passjoni u l-mewt ma kinux l-aħħar ħaġa, tmiem fl-imrar u tbatija ħarxa. Wara Ġesù ġab il-ferħ tal-Alleluja!

Il-bniedem jibża’ mis-sagrifiċċju. Jaħseb li jekk ibati ser ikun imdejjaq. Lanqas m’għandu wieħed jaħseb li hu marid psikoloġikament jekk jieħu gost ibati għalkemm mhux kulħadd jieħu pjaċir bit-tbatija. Fejn hemm l-imħabba t-tbatija tieħu dehra oħra. Irridu nżommu f’moħħna, li biex Kristu fdiena, xerred demmu b’imħabba għalina, u l-imħabba vera tagħti frott bnin għax mingħajr sagrifiċċju ma jsir xejn.

Meta wieħed jagħmel sagrifiċċju għal xi ħaġa nobbli, pereżempju biex iġib il-paċi, biex iżomm l-għaqda fil-familja, fis-sagrifiċċju tiegħu ser iħoss il-ferħ ta’ Kristu Rxuxtat. Ma tkunx tbatija moħlija iżda ta’ siwi, bi skop qaddis.

U proprju din kienet l-esperjenza li għaddew minnha Pawlu u Barnaba. Minkejja li kienu ddisprezzati, ma ħarġux telliefa peress li kienu konxji li dak li għamlu, għamluh għal Kristu. U għalhekk kienu mimlija bil-ferħ qaddis.

Fid-dinja ħafna nies jifirħu b’diversi ħwejjeġ anki ta’ din id-dinja jew b’xi suċċess. Il-ferħ tad-dixxipli kien il-veru ferħ peress li kien ġej minn Alla. U jekk nafdaw fi Kristu Rxuxtat, Alla jagħti l-paċi spiritwali anki waqt xi falliment, tbatija jew meta xi ħadd imaqdarna. F’qalbna nħossu ferħ speċjali, il-ferħ ta’ Kristu nnifsu.