Appell għal edukazzjoni akbar dwar id-deni tar-razziżmu


It-Tnejn, 20 ta’ Mejju 2019: Stqarrija mill-Kummissjoni Emigranti minn Mons Alfred Vella.imigrant

It-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti temmen li x-xokk kbir li ħa l-poplu ta’ dawn il-gżejjer meta sar jaf li l-persuni suspettati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleyman mill-Kosta tal-Ivorju, u l-korriment ta’ żewġ immigranti oħra, fis-6 ta’ April 2019, huma żewġ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, jitlob li jkun segwit minn azzjoni ġdida favur edukazzjoni aħjar u akbar dwar il-kruha u d-deni ta’ sentimenti jew attitudnijiet razzisti u xenofobiċi.

Kulħadd, hu min hu, għandu jitqies bħala innoċenti sakemm il-qrati tal-ġustizzja ma jsibuhx ħati tal-akkużi li jsiru kontrih. Fl-istess ħin, it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti tħoss li tkun ħasra kbira jekk l-iżvilupp ta’ tmiem din il-ġimgħa jxellef b’xi mod il-fama tajba li għandhom is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta għall-ħidma sfiqa tagħhom, spiss b’riskji għalihom infushom, biex isalvaw il-migranti minn ħalq il-mewt fil-baħar. Is-sena l-oħra (2018) biss, huma salvaw 2,731 ruħ.

Ir-razziżmu jikkonsisti f’li niġġudikaw persuni oħrajn bħala inferjuri minħabba r-razza jew l-etniċità tagħhom. Dan iġib id-deni. Azzjonijiet razzisti mwelldin jew fumentati minn sentimenti ta’ superjorità bħal dawn, jimminaw il-ġustizzja. Għan-nisrani, mbagħad, huma wkoll ċaħda tal-kmandament li nħobbu lill-oħrajn bħalna nfusna, u tal-verità fundamentali li l-bnedmin kollha huma maħluqin skont ix-xbiha ta’ Alla.

Hemm bżonn li lkoll kemm aħna niftħu dejjem qlubna beraħ għal kull bniedem, hu min hu u jkun ġej minn fejn ikun ġej, speċjalment il-bniedem li jkun qed jaħrab mill-persekuzzjoni, it-tkasbir tad-drittijiet umani, u gwaj ieħor kaġunat mill-bniedem jew imnissel minn disgrazzji naturali.

Mons Alfred Vella
Direttur
Kummissjoni Emigranti