Lectio Divina tas-6 Ħadd tal-Għid


Vanġelu (Ġw 14, 23-29): Ġesu jkompli bid-diskors tiegħu fl-Aħħar Ċena.  Ġwanni jpoġġi xi mistoqsijiet f’fomm id-dixxipli. Ħafna minna żgur li xi drabi saqsejnihom lill-Mulej.  E.g. Pietru: “Fejn sejjer, Mulej. Għax ma nistax niġi miegħek issa?” (Ġw 13, 36-37). Tumas: “Mulej, aħna ma nafux fejn sejjer, kif nistgħu nkunu nafu t-triq?” (14, 5). Filippu: “Mulej, urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina” (14, 8).  Ġesu jwieġeb: “Min ra lili ra l-Missieri,” i.e. min jikkuntempla l-wiċċ ta’ Kristu, jasal biex jagħraf lill-Missier.

  1. “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti.” Dal-verb ‘tħobb’ insibuh erba’ darbiet f’dis-silta. Bil-Grieg, agapann (agape) rari nsibuh fil-letteratura klassika, għax dil-kelma tfisser “tħobb bla kundizzjonijiet,” i.e. kif iħobb Ġesu. Hawn insibu l-unika darba fejn Ġesu jitlob li nħobbuh. Mhux qed jitlob imħabba egoista fejn jien inħobb dment li naqla’ l-favuri: jekk ma naqlax, ma nħobbx. Għal kuntrarju Ġesu jixtieq li jien norbot ħajti ma’ tiegħu, kif twiegħed għarusa lill-għarus nhar it-tieġ. Minn dak il-jum ‘il quddiem, jgħixu f’sintonija perfetta flimien. Din l-imħabba nuruha bil-fatti: nisqu l-għatxana, nitimgħu il-foqra, naħfru, eċċ. u jkun jistħoqqilna dal-kliem: “Jien inħobbu u nurih lili nnifsi” (14, 21). Ġuda, mhux l-Iskarjota, ikkummenta għal dal-kliem: “Kif se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?” Aktarx ried li Ġesu jsir popolari ħafna. Ġesu wieġbu: “Jien nuri ruħi lil min ikollu relazzjoni ta’ mħabba ġeneruża miegħi.” Bil-kelma ‘dinja’ Ġwanni jifhem dawk li jgħixu l-oppost tat-tagħlim ta’ Ġesu. “Min iħares kelmti, Missieri jħobbu,” għax min ikun f’sintonija ma’ Ġesu, jagħmel l-istess mal-Missier, għax Alla huwa mħabba.
  2. Mhux biss, imma “aħna niġu u ngħammru għandu.” Ġieli smajt li jien Tempju tat-Trinita’ Qaddisa. Dan ma jfissirx li jien xi kaxxa jew urna fejn inpoġġi t-Trinita’ u daqshekk, imma jfisser li kull laqgħa li jkolli m’Alla tħalli sinjali ċari tal-preżenza tal-Ispirtu t’Alla fija. Meta nħallu lid-Divin jidħol fina u jesprimi ruħu, dan tant ikun evidenti li jkun jista’ jarah kulħadd mill-mod kif nitkellmu u nġibu ruħna. L-a[ir tagħna jkun differenti minn ta’ dawk li  jimxu fuq il-kriterji tad-dinja. Ġesu wegħidna li dejjem se jkun magħna. Hu preżenti fil-komunita’ qabel u wara l-Quddiesa, preżenti fl-Ewkaristija, fil-fqir, “fejn tnejn jew tlieta…..” Ġwanni llum qed jagħmel enfasi li Ġesu hu preżenti f’kull dixxiplu, għax il-mixja tiegħu, it-tbissima, kliemu, ħsibijietu u l-imġieba tal-appostlu huma kollha bħal ta’ Ġesu.
  3. “Se nibagħtilkom Difensur, Konsolatur.” Paraklitu tfisser “dak li joqgħod viċin tiegħek.” Għamel hekk Ġesu mad-dixxipli tiegħu, imma issa li sejjer, biex ma jħallihomx orfni, se jibagħtilhom Paraklitu ieħor. Dan mhux isem ieħor għall-Ispirtu s-Santu imma jiddeskrivi r-rwol li jaqdi., i.e. dak li jkun dejjem preżenti f’ħajjitna. Meta żmien ilu kulħadd kien prattikanti, dil-preżenza kont tħossha bħala ħaġa naturali. Illum, in-Nisrani ġenwin irid jagħmel sforz biex ikun konxju ta’ dil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Jekk le,  nistgħu nħossuna waħedna, l-aktar meta naqdfu kontra l-kurrent jew insibu min jidħak bina meta nistqarru safa qabel iż-żwieġ, fedelta’ fiż-żwieġ, maħfra tal-għedewaa, eċċ. F’dawn il-mumenti, meta nisimgħu fina vuċi  li tgħidilna: “Tagħtix kashom lil dawk: huma qegħdin fl-iżball. Int qiegħed fit-triq it-tajba. Kompli hekk”: din tkun il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu, li qiegħed il-ħin kollu qrib tagħna. Jiħtieġ li nagħtu widen għal dil-vuċi tad-Difensur, li jiddefendina minn xi vuċi oħra li tħajjarna biex nagħmlu għażla ħażina, e.g. “La kulħadd qed jagħmel hekk, mela, biex ma jgħajrunix stramb u moħħi magħluq, ħa nagħmel bħalhom.” Nisimgħu ħafna ilħna oħra kuljum (min jgħajjat l-iktar): (i) “Din id-dinja ġdida ta’ mħabba gratuwita li fassal Ġesu hi biss ħolma”; (ii) “L-infern ma jeżistix, mela gawdi kemm tiflaħ issa.” Il-vuċi li tgħidilna niċħdu għidut bħal dawn, u tfaħħarna għax qed inħallu lil Kristu jgħix ġo fina u f’ħajjitna, hi l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu.
  4. “Hu jgħallimkom kollox.” Dan it-tagħlim mhuwiex xi tejorija li titgħallem bl-amment. Dat-taħriġ se joħroġ mill-qalb ġdida li ħadna meta lqajna l-proġett ta’ Kristu għal dinja ġdida ta’ mħabba, u b’hekk writna l-ħajja Divina. Dil-qawwa tixprunana biex inġibu ruħna ta’ ulied Alla, i.e. inħobbu bla kundizzjoni. Bħal fjura li, biex tarmi l-fwieħa ma tistenniex xi kmand, imma tfuħ mill-istess natura tagħha. Bl-istess mod dan it-tagħlim joħroġ minna bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, u l-imħabba ma tibqax kmand imma ssir għalina ħaġa naturali.
  5. “Hu jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.” Ġesu qal lid-dixxipli dak kollu li hu essenzjali. L-Ispirtu ma jżid xejn ma’ dan, imma l-ħin kollu jfakkarna xi tagħlima ta’ Ġesu l-aktar meta jkollna bżonnha. Faċli, imħabba x-xogħol u taħbit ieħor tal-ħajja, nittraskuraw it-talb, il-Quddies u l-qari tal-kelma t’Alla. Dan innessina li aħna ulied Alla. L-Ispirtu jżomm ħaj fina l-identita’ tagħna ta’ ulied Alla u jiġbdilna l-attenzjoni meta ma nġibux ruħna bħala tali.
  6. “Inħallilkom is-sliem.” Il-paċi tad-dinja hija waqfa bejn żewġ gwerer. Ir-Rumani kienu jżommu l-paċi b’forza ħarxa u billi jirriduċu l-mirbuħin fi skjavi. Għal kuntrarju, il-paċi ta’ Kristu hi dik ta’ soċjeta’ alternattiva fejn m’hemm l-ebda barriera u skjavitu’, u fejn kull membru hu attent għall-bżonnijiet u l-ferħ tal-ieħor.
  7. “Tħallux qalbkom titħawwad. Jien sejjer imma nerġa’ niġi għandkom b’eżistenza ġdida, għax ma nibqax bil-limitazzjonijiet li għandi issa bħala effett tal-inkarnazzjoni: limiti ta’ spazju u ħin, ġuħ. għatx, għeja, ngħas, eċċ. Wara li nirxoxta, ma jkollix aktar dawn il-limitazzjonijiet. Mela, issewdux qalbkom imma ifirħu.”

Sors: lachiesa.it/litugia/omelie/padrefernandoarmellini

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.