Saċerdot maqtul f’El Salvador


Is-Saċerdot Cecilio Perez Cruz ta’ 38 sena inqatel minn membru ta’ grupp kriminali nhar is-Sibt bil-lejl waqt l-irqad fil-parroċċa tiegħu f’El Salvador. Huwa kien il-kappillan tal-parroċċa ta’ San José la Majada, f’El Salvator qrib il-fruntiera mal-Gwatemala.

Cecilio-Pérez-Cruz-09.jpgIl-ġisem tiegħu nstab minn xi fidili li kellhom jiltaqgħu miegħu għat-talb fil-ħamsa ta’ filgħodu. Qrib il-katavru kien hemm nota ffirmata mill-grupp kriminali Mara Salavatrucha li kienet tgħid li s-saċerdot ma ħallasx il-kera. Dan ifisser li dan il-grupp kien hedded lis-saċerdot biex iħallashom għas-sigurtà tiegħu u huwa m’aċċettax dan ir-rikatt.

L-Isqof tad-Djoċesi ħeġġeġ għat-talb għal Fr Perez u esprima d-dieqa tiegħu u faħħar il-ħidma li s-saċerdot kien iwettaq fil-parroċċa tiegħu.

Il-Gvern ta’ El Salvador ikkundanna dan il-qtil u esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tas-saċerdot u lill-komunità Kattolika. Il-Gvern ħareġ ordni lill-qawwiet tas-sigurtà biex jaraw li l-qattiela tas-saċerdot jinqabdu u ssir ġustizzja.

El Salvador huwa wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja. Ir-rata tal-qtil is-sena l-oħra f’dan il-pajjiż fl-Amerika Ċentrali kien ta’ aktar minn 9 omiċidji kuljum.