Il-MIXJA NISRANIJA


39. L-Erbgħa wara s-Sitt Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Baqagħli ħafna ħwejjeġ xi ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux terfgħuhom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tas-sewwa, imexxikom lejn is-sewwa kollu (Ġw 16, 12-13).

Jekk nidħlu fil-kuntest ta’ dawn il-kelmiet ta’ Kristu, naraw li qalhom qabel ma mar għall-passjoni biex jagħmel il-qalb lill-Appostli. Meta kien ser iħallihom, bl-ebda mod ma kienu ser jieqfu mill-mixja spiritwali li kienu bdew. Verament li Kristu kien sejjer għand il-Missier mnejn ġie, iżda hawn qiegħed iwegħidhom l-Ispirtu s-Santu.

Xħin naqraw dan il-vers għandna nieqfu ftit u nimmaġinaw lil Kristu qed jgħid lilna dawn il-kelmiet. Forsi aħna ngħidu f’qalbna li aħna mgħammda u qegħdin ngħixu tajjeb. Iżda l-ħajja Nisranija hija mixja kontinwa ta’ maturazzjoni fil-fidi u fl-għajxien tas-sagrament tal-Magħmudija.

Il-mixja Nisranija hija tant eżiġenti u profonda li nistgħu ngħidu li qatt ma nistgħu nilħqu l-ideali li pprietka Kristu b’mod perfett. Għalhekk fil-ħajja Nisranija dejjem hemm lok ta’ titjib spiritwali. San Pawl stess jgħid lill-Korintin: “Jien ukoll, ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala nies spiritwali, iżda bħala nies tad-demm u l-laħam, bħal trabi fi Kristu. Ħalib sqejtkom, mhux ikel, għax ma kontux tifilħu għalih, u lanqas issa ma tistgħu għalih, għaliex għadkom tgħixu skont il-ġisem, la darba fostkom għad hemm l-għira u l-ġlied”( 1 Kor 3, 103). Għalhekk hemm bżonn dik li jsejħulha “metanoia”, li ninbidlu ta’ kuljum għall-aħjar.

Kull min hu mgħammed u jistqarr li Kristu huwa l-Mulej huwa Nisrani. Iżda dak li rċevejna fil-Magħmudija rridu ngħixuh u nikbru dejjem aktar. U kif Kristu wiegħed lill-Appostli li ser jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu, l-istess għadu qiegħed jgħid lilna.

Ġesù għadu jkellimna permezz tal-ġrajjiet personali li ngħaddu minnhom, l-esperjenzi ta’ ħaddieħor, bil-ministri tal-Knisja, permezz tal-Iskrittura, is-sagramenti u anki f’qalbna. Ngħaddu minn liema triq ngħaddu, Kristu ser jibqa’ magħna u qatt ma huwa ser iħallina waħidna sakemm naslu f’Ġerusalemm tas-Sema. Imma l-mixja tagħna rridu nkompluha!