It-Tlieta, 28 ta’ Mejju 2019: ‘Jew inti żagħżugħ f’qalbek u f’ruħek, inkella m’intix Nisrani għal kollox.’ L-omelija tal-quddiesa li l-Papa ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta kienet innu lill-ħajja, lill-vitalità, liż-‘żgħożija tal-Ispirtu’. Inkella nispiċċaw biex ninġarru mal-kurrent għajjien ta’ tant persuni ‘pensjonanti’ f’qalbhom, skoraġġiti minħabba d-diffikultajiet jew imdejqin ‘għax id-dnub ixejjaħ’. In-Nisrani jeħtieġ buffura ta’ ferħ li tiġi ‘mir-rigal il-kbir li ħallielna Ġesù: l-Ispirtu s-Santu’.
Għar-riflessjoni tiegħu l-Papa Franġisku tnebbaħ mill-Evanġelju meħud minn San Ġwann (16, 5-11), li jtina silta mid-diskors tal-addio lill-Appostli waqt l-Aħħar Ikla. F’dik l-okkażjoni, Ġesù jgħid ħafna affarijiet, imma l-qofol tad-diskors kollu hu l-Ispirtu s-Santu. Lil ħbiebu, infatti, il-Mulej joffrilhom katekeżi dwar l-Ispirtu s-Santu: jibda billi josserva kif kienu qed iħossuhom huma – ‘għax għidt li se nħallikom qalbkom imtliet bin-niket’ – u jċanfarhom bil-ġentilezza għax, innota l-Papa, ‘is-swied il-qalb mhux atteġġjament nisrani.’
Il-fixla interjuri tal-Appostli – li, quddiem id-dramm ta’ Ġesù u l-inċertezza dwar il-futur, jibdew jifhmu d-dramm tal-passjoni – nistgħu nqabbluha mar-realtà ta’ kull Nisrani. Il-Papa Franġisku fakkar li fil-kolletta tal-ġurnata ‘tlabna lill-Mulej biex iġeddilna ż-żgħożija tal-ispirtu’, u b’hekk għamilna invokazzjoni ‘kontra s-swied il-qalb waqt it-talb’. Dan hu l-punt kollu, issokta jgħid, l-Ispirtu s-Santu jsawwab dejjem fina din iż-żgħożija li tiġġedded kuljum bil-preżenza tiegħu.
Qaddisa kbira, kompla jgħid il-Papa, kienet qalet li qaddis ‘b’qalbu sewda’ huwa qaddis imnikket. In-Nisrani qalbu sewda hu Nisrani mnikket: ma jiffunzjonax. Ifisser li s-swied il-qalb m’għandux jaħkem lin-Nisrani, għax hu żagħżugħ. Żgħożija li tiġġedded u tgħinu jġorr fuq spallejh tant provi, tant diffikultajiet. Ħaġa li ġrat lil Pawlu u Sila, kif hemm fl-ewwel qari, li spiċċaw imsawtin u mitfugħin il-ħabs. Dak il-ħin jidħol l-Ispirtu s-Santu u jġedded kollox: lill-għassies stess jagħmlu żagħżugħ.
Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jakkumpanjana matul ħajjitna, li jsostnina, kif nifhmu mill-isem li jtih Ġesù: il-Paraklitu. Kelma mhux tas-soltu li ħafna drabi mhux kulħadd jifhimha sewwa. Biex jiċċara dal-punt il-Papa rrakkonta storja ta’ meta kien għadu kappillan u staqsa lit-tfal min hu l-Ispirtu s-Santu. Tifel kien wieġbu ‘il-paralitiku’!
Infatti, kompla jispjega l-Papa, il-kelma ‘paraklitu’ tfisser ‘dak li qiegħed ħdejja biex iweżinni’, biex ma naqax, biex nibqa’ miexi ’l quddiem, biex jien inżomm fija diż-żgħożija tal-Ispirtu. Din hi r-raġuni għaliex in-Nisrani hu dejjem żagħżugħ. Meta l-qalb tan-Nisrani tibda tixjieħ, tibda tnin fih il-vokazzjoni nisranija. Jew int żagħżugħ f’qalbek u fl-ispirtu tiegħek, inkella m’intix Nisrani għal kollox.
Issib min jista’ jibża’ mid-diffikultajiet. Imma hemm l-Ispirtu biex jgħinek iġġedded diż-żgħożija. Dan ma jfissirx li se tonqos it-tbatija. Per eżempju, Pawlu u Sila kienu qed isofru minħabba x-xebgħa bastun li qalgħu, tant li meta l-għassies ħadhom id-dar, dewwielhom il-ġrieħi. Imma minkejja l-uġigħ huma kienu mimlijin ferħ u bdew ikantaw. Din hi ż-żgħożija li tgħinek issaħħaħ dejjem it-tama.
Kif nistgħu niksbuha diż-żgħożija? Hemm bżonn djalogu ta’ kuljum mal-Ispirtu s-Santu li dejjem jinsab maġenbna. Huwa r-rigal kbir li ħallielna Ġesù. Nistgħu nirraġunaw li aħna midinbin, u naħbtu naqtgħu qalbna. Hu minnu, issokta Franġisku, ħares lejn dnubietek imma ħares ukoll lejn l-Ispirtu s-Santu li jinsab fejnek u tkellem miegħu. Hu jwieżnek u jroddlok lura ż-żgħożija. Għax nafu li d-dnub ixejjaħ, ixejjaħ kollox. Imma l-Ispirtu s-Santu jgħinna nindmu, inħallu d-dnub warajna u niksbu ż-żgħożija mill-ġdid.
Għalhekk, żied jgħid Franġisku, inħallu warajna s-‘swied il-qalb pagan’. M’iniex qed ngħid li l-ħajja hi karnival. Fil-ħajja hemm is-slaleb, hemm il-mumenti diffiċli. Imma hu proprju f’dawn il-waqtiet diffiċli li nħossu fina l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nibqgħu mexjin, negħlbu d-diffikultajiet, bħal Pawlu u Sila. Jgħinna saħansitra niffaċċjaw il-martirju.
Il-Papa Franġisku temm jistedinna biex nitolbu lill-Mulej ħalli ma nitilfux din iż-żgħożija, biex ma nkunux Insara ‘pensjonanti’ li tilfu l-ferħ. In-Nisrani qatt ma jirtira bil-pensjoni; in-Nisrani jgħix, jgħix għax hu żagħżugħ… meta hu Nisrani verament.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.