Rebħa għall-bnedmin kollha


40. Il-Ħamis wara s-Sitt Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

L-art kollha minn tarf għall-ieħor rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna (Salm 98,3).

Sa minn Għid il-Ħamsin meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli, il-Knisja bdiet ixxandar lil Kristu Rxuxtat. U dan huwa l-qofol tal-Kristjaniżmu jiġifieri li Kristu rebaħ. Kieku ħajtu spiċċat mal-passjoni u l-mewt tiegħu, Kristu kien ikun martri biss, iżda bil-qawmien ħareġ rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub, biex jurina ċar li HU Alla li ġie biex isalva l-umanità kollha.

Għalhekk jiżbalja min jaħseb li l-Kristjaniżmu huwa reliġjon ta’ projbizzjonijiet u tagħbijiet li jfixkluk fil-ħajja. Il-Kristjaniżmu huwa reliġjon ta’ ferħ għax hija mibnija fuq il-ferħ ta’ Kristu Rxuxtat, u li għadu jsejjaħ lil kulħadd biex jimxi warajh u jkollu l-istess glorja.

Għandna nifhmu li l-fundament tal-Kristjaniżmu huwa li Alla ħabb lid-dinja u bagħat lil Kristu fid-dinja. U Kristu tana ħajtu sal-aħħar qatra ta’ demmu, bħala garanzija tal-Ħniena ta’ Alla.

Huwa stess qalilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11, 28-30).

Min iħobb jasal biex jagħmel kull sagrifiċċju.. U jekk inħallu l-imħabba ta’ Alla tidħol fina nfusna, nibdew naraw il Kristjaniżmu b’mod differenti. Naraw kemm Alla ħabbna meta ssagrifika lil Ibnu stess għal dnubietna.

Bħall-Appostli aħna wkoll fid-dmir li nxandru fl-ambjenti li fihom ngħixu dan il-messaġġ ta’ Kristu. U billi Kristu bagħat lill-Appostli fid-dinja kollha, is-salvazzjoni tiegħu hija għall-bnedmin kollha: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.