L-Elezzjonijiet!

Print Friendly, PDF & Email

L-elezzjonijiet! Min ma semax biha din il-kelma f’dawn il-jiem? Kull fejn tiftaħ, saħansitra online, issa deher dak! U mbagħad dehret dik! Għal bidu aqta’ x’dehxa kelli! Għax ħsibtni li qed nara xi dehriet minn hemm fuq! Jien … midneb! Intant …

Le! Serraħ rasek sieħbi! Minix ħa nitħaddet fuq POLITIKA! Ma nifhimx fiha! Minix maqtugħ għaliha! Bilkemm naf nispellieha l-kelma POLITIKA! Mhux ħobż għal snieni! Mela serraħ rasek! Int li tilbes dubblet twil u qasir. Int li jkollok fuqek ħafna ħwejjeġ sbieħ casual jew irrakkmati għall-okkażjoni. U int li abbli ħafna ħwejjeġ idejquk. U allura tkun trid toqgħod ftit imlaħlaħ u imlaħaħa. U tħobb il-fwieħa wkoll! Hu x’inhu ilbiesek. Irrakkmat jew le. Min hu sidek? Żgur li mhux jien ħa nkun li niġġudikak! Veru?

Imma illum nixtieq nitħaddet fuq politika. Jiġifieri fuq il-mod ta’ kif ngħixu flimkien. Inkella ma nkunx f’dinja. U int, li lili tant tħobbni li ma tiddejjaq xejn tiġbidli widinti, sakemm forsi iseħħlek iġġibhieli bħal ta’ Star Treck, taf tgħidli: Patri! Tkellimnix fuq Ġesù ta’ elfejn sena ilu. Ħallik minn dak iż-żmien! Lili kellimni f’dan iż-żmien! Kemm toġogħbni sieħbi meta tkellimni hekk! U x’ma nagħmillekx like! Daqskemm int alright! Għax int veru tal-life!  Ara din kemm qablet life u life! Veru?

Għax, li nkun alright għax inkun tal-life, ifisser li nitħaddet fuq l-elezzjonijiet! Mela li nitħaddet fuq l-għażla! Attent ħija! Attenta oħti! Għedt elezzjonijiet u mhux elezzjoni! Għax ħajjitna biżilbju għażliet! Daqqa nagħżel ħaġa! U daqqa nagħżel oħra! Daqqa għażilt din! U daqqa għażilt l-oħra! U daqqa għażilt lil dawk! U daqqa lill-oħrajn! Insomma! Dejjem għall-għażla!

F’dawn is-sentenzi l-Ispirtu s-Santu tani għerfU biex nagħmel il-marka tal-esklamazzjoni, ! Għax kull għażla hi deċiżjoni. U, ċertu deċiżjonijiet, nista’ insaħħaħhom jew nibdilhom wara perjodu ta’ sena, sentejn, tlieta, erba’, ħamsa, għaxra u l-bqija. Imma ċerti deċiżjonijiet ma nkunx le nista’ nibdilhom. Dan l-għaliex, la darba noħodhom, żgur li ma nkunx nista’ nibdilhom. U allura, wara li nwettaq dawn id-deċiżjonijiet, nista’ jew nifraħ. Naqbeż bil-ferħ. U nogħla. Inkella aqta’ kemm nibki! U nibki biki li ma jkun jista’ isabbarni ħadd! Għajr l-Aktar Għoli!

Madankollu, anki jekk xi deċiżjonijiet ikunu jaqtgħu bħal xabla b’żewġ naħat, xorta waħda ikolli noħodhom. Inkella, jekk ma noħodhomx, jew nispiċċa imweħħel u imweħħla. Inkella mitfugħ ‘il barra. U hekk nispiċċa maqtugħ u maqtugħa żgur. Mela nista’ iva ngħid li d-deċiżjoni hi bħal giljottina fuq rasi. L-għaliex, jekk noħodha ħażin, tinżel għal fuqi x-xafra. U taħsadli rasi barra! Awċ ħej!

Anki jekk ma’ kull deċiżjoni hemm marbuta ċerta dramatiċità li, taf toħloq ukoll traġiċità, kull deċiżjoni, anki dawk li fihom għandhom ma nafx kemm-il xafra, hemm fihom element ta’ edukazzjoni. U dan tgħallimhulna ħajjitna stess. Kemm kbirna minn deċiżjonijiet li ħadniehom ħżiena? Li tfajniehom għal saqajhom. Li, minflok li ħadna l-ħin biex nagħrblu sewwa, inġarrejna ma’ dak li qalilna xi ħadd. Jew għax dawk kollha hekk għamlu. U hekk, meta beda għaddej iż-żmien, iddispjaċiena. Tant li għedna: X’mort għamilt b’idejja!

Imma, u dan ngħidu minn qalbi, kulħadd fil-ħajja ħa deċiżjonijiet ħżiena. Għalhekk, allaħares nibqgħu insawtu lilna nfusna billi nsemmu l-iżbalji tal-passat. Inkella kif ħa nikbru? Kif ħa nħarsu ‘il quddiem? Illum tassew nammira lil dawk li, minkejja li f’ħajjithom ikunu ħadu deċiżjonijiet ħżiena, anki jekk tassew u fil-fond ta’ qalbhom, ikunu fittxew il-parir ta’ min jifhem fil-ħaġa, xorta waħda baqgħu jħarsu ‘il quddiem. U, b’kuraġġ ta’ sur, il-passat baqgħu jsejħulu passat. Middew riġlejhom u bdew ħerġin mis-sodda tal-priġunerija tagħhom. Pass wara pass. Lejn il-beraħ tal-pjanura tal-ħajja. X’eroj kbar huma dawn!

Ħaġa oħra li hemm bżonn insemmu hu li hawn min juża d-deċiżjonijiet ħżiena li jkun ħa jew ħadet fil-ħajja bħala tagħlima mhux biss għalih u għaliha imma wkoll biex bihom ikun u tkun ta’ dawl għal min bħalissa għadu konfuż u għadha konfuża. Speċi l-esperjenza tiegħu u tagħha ta’ deċiżjoni ħażina li jkun ħa u ħadet tkun ta’ guide for the perplexed.  Issa din l-ingliżata li l-Mulej tani grazzja nsemmi issa hija t-titlu ta’ ktieb li kien kiteb il-magħruf kittieb Lhudi Maimonides. Jew Moses ben Maimon (1135-1204). Dan il-famuż filosfu u astronomu Lhudi tal-Medju Evu kiteb ktieb kapolavur li propju jismu Guide for the perplexed. Bi lsienna, Gwida għall-imwaħħad (u l-imwaħda).

Fost il-ħafna tagħlim li jagħti għandu din is-sentenza tabilħaqq sabiħa dwar l-għażla: “Ir-riskju ta’ deċiżjoni ħażina hi preferibbli mit-terrur tal-indeċiżjoni”. X’għerf hux! Fil-ħajja aħjar tirriskja billi tieħu deċiżjoni ħażina milli tinqered fit-terrur li deċiżjoni ma toħodha qatt. Dan l-għaliex meta nieħu deċiżjoni, anki jekk niżbalja fiha, almenu qed nuri li jien ħaj u ħajja! Li rajt, smajt, ħassejt, weżint u qtajtha. Mela, nerġa’ ngħid, hemm ħajja! Milli qgħadt hemm, imwaħħal u mwaħħla u imsakkar u imsakkra fil-biża’ tiegħi! U hekk qgħadt naħli ħajti!

X’kelma ta’ kuraġġ hi din minn Maimonides ħbieb! Iżda, u biex inkunu għamilna ġustizzja ħanina ma’ dan il-kittieb kbir Lhudi, irridu ngħidu wkoll li jekk nieħu deċiżjoni ħażina irrid ikolli l-umiltà mimlija paċi li nagħrafha, nagħmilha tiegħi u ninfetaħ biex nibdilha. U, biex inwettaq din il-biċċa xogħol, irrid jkolli gazz fuq gazz. Imma tibżax sieħbi! Bħalma ngħid jien stess għalija nnifsi: TIBŻAX MAR! Għax, jekk ninfetaħ għall-Ispirtu s-Santu, żgur li se jurini t-triq tal-verità li teħlisni. U hekk inkun nista’ nwettaq id-deċiżjonijiet li jridni Hu! Il-Mulej! Li jibnuni! U jibnu wkoll lil dawk ta’ madwari!

Mela, qabel tkun ħa tagħmel xi deċiżjoni importanti, tħabbel rasek xejn. Dur lejn l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ għerf il-Mulej, u għidlu jurik Hu x’deċiżjoni għandek tagħmel. Is-soltu jien nibda’ l-ġurnata b’din il-konsagrazzjoni lilU u li illum ħa noffrihielek minn qalbi b’rigal:

Ejja Spirtu s-Santu! O Spirtu s-Santu, ilqa’ il-konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tiegħi innifsi lilek. Fl-għemejjel kollha tiegħi agħtini l-grazzja li tkun għalija. Id-dawl tiegħi,Il-gwida tiegħi, il-qawwa tiegħi, u l-imħabba ta’ qalbi. Nerħi lili nnifsi f’idejk u nitolbok biex tagħtini l-grazzja li nobdi u nwettaq dak kollu li tnebbaħni nagħmel. Spirtu s-Santu ibdilni permezz ta’ Marija u ma’ Marija fix-xbieha ħajja ta’ Kristu Ġesù għall-glorja tal-Missier u għas-salvazzjoni tad-dinja. Amen.

L-għażla t-tajba sieħbi!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading