44. Is-Sibt wara s-Seba’ Ħadd tal-Għid
Kitba ta’ Angelo Xuereb
Li kieku wieħed jikteb kollox ħaġa ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu (Ġw 21, 25).
Mhux ser nidħol fid-dettall letterarju/metaforiku ta’ kif ifissru l-Biblisti dan il-vers. L-importanti mhux kemm tesa’ kotba d-dinja (!) imma kemm id-dinja hija lesta li timtela’ bit-tagħlim tal-Vanġelu.
Xi wħud isostnu li dan inkiteb bl-iskop li jiġġustifika xi materjal li ġie miżjud fil-Vanġelu, iżda l-Vanġelu mhux il-ktieb fih innifsu imma l-verità tal-Bxara t-Tajba għad-dinja kollha.
Huwa veru wkoll li mhux kulma qal u għamel Kristu nkiteb fil-Vanġeli. Iżda l-Evanġelisti għażlu l-aktar ġrajjiet importanti u taw bixra teoloġika, dejjem skont l-udjenza li kienu qegħdin jindirizzaw.
U propju dan il-vers jurina li l-Vanġelu mhuwiex kronaka ta’ Kristu. Kieku kellhom jinkitbu l-ġrajjiet tiegħu jum b’jum, naħseb li kien ikollna librerija sħiha tal-ġrajjiet ta’ Kristu.
Għalhekk aħna meta naqraw l-Vanġelu ma għandniex naraw l-istejjer biss iżda l-messaġġ li jridu jwasslulna l-Evanġelisti. Niftakru li fil-Vanġeli hemm l-aktar ġrajjiet importanti flimkien ma’ messaġġ qawwi. Dan hu l-essenzjal li għandna nfittxu: li nifhmu u ngħixu kull messaġġ tal-Vanġelu.
L-Evanġelisti jridu jgħidulna li Ġesù ġie mingħand Alla biex jgħallem; għamel il-mirakli, sofra l-passjoni, miet u qam fit-tielet jum u wara erbgħin jum tela’ s-sema, biex jiftħilna l-bieb tas-salvazzjoni u jurina t-triq li għandna nimxu biex naslu għandu f’dar il-Missier.
Dan jurina li l-fidi Nisranija hija mibnija fuq Kristu Rxuxtat, biex inkunu konvinti li Hu Alla “li ġie biex isalvana” u nagħrfu nimxu warajh skont il-Vanġelu tiegħu.