L-Ispirtu s-Santu jġib il-għaqda


50. Għid il-Ħamsin

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Għaddew ħamsin ġurnata mill-festa tal-Għid u llum qegħdin niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.

L-Atti tal-Appostli jgħidilna li l-Appostli kienu miġbura f’post wieħed u f’daqqa waħda ġie mis-sema bħal riħ qawwi u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar li qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Din kienet il-miġja tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù kien wegħidhom qabel ħalliehom. Dakinhar dehret fil-beraħ il-Knisja.

L-Appostli ħalliehom il-biża’ li kellhom u ħarġu jxandru lil Kristu. In-nies li kien hemm Ġerusalemm bdew jifhmuhom bil-lingwa tagħhom. Imma jekk inħarsu lejn il-Bibbja fl-istorja tat-Torri ta’ Babel naraw li dawk li kienu qegħdin jibnu t-torri tħawdu u bdew ma jiftehmux u bdew jitkellmu b’lingwi differenti. Hija storja li turina li l-effetti tad-dnub u tas-suppervja tal-bniedem huma t-taħwid u n-nuqqas ta’ ftehim anke mal-oħrajn.

L-Ispirtu s-Santu għall-kuntrarju jġib il-għaqda. Dan narawh b’mod ċar fl-istorja tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu. F’din il-festa ma nistgħux ma niftakrux fuq il-firda li teżisti bejn l-Insara. Nemmu fi Kristu iżda għadha teżisti l-firda. Minn żmien il-Konċilju Vatikan II, li ħeġġeġ għall-għaqda tal-Insara, saru progressi kbar. Għalhekk f’dan il-jum imqaddes tal-Pentekoste nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jsir aktar progress lejn l-għaqda tal-Knejjes, fi Knisja Waħda, Qaddisa, Kattolika u Appostolika.

Niftakru li ħadd ma jista’ jġib l-għaqda ħlief l-Ispirtu s-Santu. Niftakru wkoll li l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu mhijiex biss fil-Knisja. Huwa jaħdem b’mod misterjuż fi qlub il-bnedmin tad-dinja kollha, imma ħafna bnedmin ma jimxux skont l-ispirazzjonijiet qaddisa tal-Ispirtu s-Santu.

Ejjew inħallu l-Ispirtu Qaddis jaħdem f’ħajjitna u jmexxina bid-doni tiegħu skont is-Sewwa li għallimna Kristu. Hu li jiggwidana u jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ biex nipperseveraw fit-tajjeb sal-aħħar.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.