Is-Sibt 8 ta’ Ġunju l-Papa laqa’ lill-mexxejja taċ-Charis, is-servizz tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku, fis-sala Pawlu VI, fil-Vatikan. Dawn il-mexxejja kienu qed jieħdu sehem f’Konferenza Internazzjonali fil-Vatikan stess. Il-Papa qalilhom li dan il-Pentekoste hu l-bidu ta’ tappa oħra fil-mixja mibdija mit-Tiġdid Kariżmatiku tnejn u ħamsin sena ilu.
Is-servizz il-ġdid huwa ċ-Charis. Il-Papa radd ħajr lid-Dikasteru għall-Lajċi u l-Familja talli din l-inizjattiva saret realtà.
Fl-indirizz tiegħu l-Papa semma’ li huma se jibdew servizz ġdid u uniku ta’ komunjoni, u stieden lil dawk li kien qed jindirizza sabiex iħaddnu dak li hu ġdid billi jirreżistu t-tentazzjoni li jħallu kollox kif kien “għax dejjem hekk sar”. Dan mhux il-mod kif jaħdem l-Ispirtu s-Santu, qalilhom il-Papa.
Il-prinċipju fundamentali tas-servizz, issokta jgħidilhom, ifisser li dejjem tagħti u tgħin il-ħtiġijiet varji billi tkun ta’ sapport bl-aħjar mod possibbli fil-mixja.
Wara li spiċċa jitkellem il-Papa stieden lil dawk preżenti biex iqumu bilwieqfa u jagħmlu minuta silenzju għall-paċi. Il-laqgħa ħabtet eżatt f’għeluq il-ħames sena minn mindu Franġisku kien laqqa’ lill-Presidenti tal-Palestina u ta’ Iżrael u fil-ġonna tal-Vatikan li flimkien miegħu kienu talbu għall-paċi.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija