Riflessjoni dwar il-Qalb ta’ Ġesù


Min iħobb il-Qalb ta’ Ġesù jkun daħal fil-kontemplazzjoni tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Mhux hekk biss iżda jara kif ser jimitaha.

1●Tlett iqlub f’qalb waħda

San Benedittu Ġużeppi Labre jgħidilna: “Biex tħobb lil Alla trid tlett iqlub fl-qalb waħda: qalb tan-nar għalih, qalb tan-nar għall-proxxmu, u qalb tal-bronż għalik innifsek.” Din il-kwotazzjoni kienet għall-qalb ħafna ta’ San Ġorġ Preca li kien iħobb isemmiha.

Sentenza sabiħa ħafna li tixhed spiritwalità profonda li kellu dan il-qaddis li kien jgħix ħajja sempliċi u ta’ faqar ‘il bogħod minn kull ma huwa ta’ din id-dinja. Dawn il-kwalitajiet kollha jidhru fil-ħajja tal-qaddisin li ma għamlux ħlief imxew wara Sidna Ġesù Kristu.

Infatti dawn it-tlett atteġġjamenti jidhru fil-Qalb ta’ Kristu matul ħajtu. Nibdew mill-ewwel attitudni: Qalb tan-nar għal Alla. Jekk naqraw il-Vanġeli naraw li Kristu jgħidilna li huwa ma ġiex biex jagħmel ir-rieda tiegħu iżda dik tal-Missier. Tant kellu ħeġġa għall-missjoni tiegħu li darba l-qraba tiegħu ħarġu biex iżommuh għax ħasbu li ser jiġġennen. Naqraw f’San Mark: “Imbagħad ġie d-dar, u reġgħet inġemgħet il-kotra, li anqas ma setgħu jieklu. Malli semgħu niesu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef rasu” (Mk 3, 20-21).

Ġesù tant kellu qalb tan-nar għal Alla li kien iħoss il-bżonn li jitlob. Kien jgħaddi ljieli fit-talb. Ninnutaw ftit. Huwa li kien l-istess Iben ta’ Alla kien iħoss  il-bżonn li jitlob. Tant kien jitlob li qabel ma mar għall-passjoni talab fil-ġnien tal-Ġetsemani u f’din it-taqbida interna għaraq il-qtar tad-demm. Meta ngħidu li Ġesù kien jitlob waħdu dan ma jfissirx kif naraw fil-Vanġeli li ma kienx imur fit-tempju jew fis-sinagoga.

Qalbu tant kellha nar ta’ mħabba lejn Alla li qabel ma qajjem lil Lazzru indirizza hekk lill-Missier: “Missier niżżik ħajr talli smajtni. Jien kont naf li int dejjem tismagħni, imma għidtu minħabba dawn in-nies li hawn madwari, biex jemmnu li inti bgħatni” (Ġw 11, 41-42). Insibu din it-talba ferventi ta’ Ġesu lill-Missier: “Dak il-ħin kien imqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: ‘Infaħħrek, Missier, Sid tas-sema u l-art, li żammejt dawn il-ħwejjeġ moħbija lill-għorrief u lid-dehnin u għarrafthom liż-żgħar. Iva, Missier, għax hekk għoġbok. Kollox mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jaf min hu l-Iben ħlief il-Missier, u u min hu l-Missier ħlief l-Iben u min irid l-Iben jgħarrafhulu’” (Lq 10, 21-22).

Ġesù kellu qalb tal-laħam għall-proxxmu tiegħu. Dan narawh f’ħajtu kollha dejjem jagħmel il-ġid. Il-mirakli li għamel ma kenux biex juri l-kobor tiegħu u hekk jikseb xi vantaġġ ta’ din id-dinja iżda biex jgħix lill-proxxmu tiegħu u Alla jiġi mfaħħar. Ġesù għamel il-mirakli wkoll biex juri li huwa l-Iben ta’ Alla iżda l-mirakli dejjem għamilhom mal-proxxmu tiegħu u qatt ma għamel affarijiet spettakolari kif ittentat ix-xitan fid-deżert.

Ġesù kellu qalb tal-laħam mal-morda, ma’ dawk maħkuma mix-xitan, u anki mal-midinbin. Ġab ruħu bl-kompassjoni kbira mal-mara Samaritana u l-adultera li kienu qabdu triq ħażina. Issaporta b’umiltà kbira lil dawk kollha li kienu jmeruh sal-aħħar mument ta’ ħajtu tant li fuq is-salib ħafer lil dawk li salbuh. L-atteġġjament tiegħu kien ta’ umiltà u dan jgħidulna huwa stess: “Erfgħu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien qalbi ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal irwieħkom, għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa” (Mt 11, 29-30).

Ġesù kellu qalb tal-bronż għalih innifsu. Dan narawh mill-istil ta’ ħajja li kien qiegħed jgħix. Kien jgħix ħajja ta’ faqar  sa minn meta twieled f’maxtura fl-għar ta’ Betlem u miet fuq l-għuda tas-salib fuq il-Golgota. Huwa stess jgħidilna: “Il-volpijiet għandhom il-ħofor u t-tjur tas-sema l-bejtiet, imma Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Lq 9,58). U fuq kollox il-qalb tal-bronż li kellu għalih innifsu tidher fil-passjoni tiegħu fejn huwa għas-salvazzjoni tagħna l-bnedmin bata kull xorta ta’ uġigħat mingħajr ma lmenta. Ġarrab l-umiljazzjonijiet u t-tbatijiet kollha tal-passjoni bi mħabba kbira lejna l-bnedmin.

2 ● Nimitaw lill-Qalb ta’ Ġesù

Nimitaw mela lill-Qalb ta’ Ġesù fin-nar ta’ mħabba li kellu lejn Alla billi nitolbu ta’ kuljum, nattendu għall-Quddiesa, filwaqt li nirċievu ta’ spiss is-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin. F’kull ġrajja li ngħaddu minnha avolja tkun għalina ta’ tbatija naraw l-id ta’ Alla li qiegħda tmexxi kollox.

Nimitaw in-nar li Ġesù kellu f’qalbu lejn Alla billi dejjem nixtiequ  li huwa jiġi magħruf u maħbub kullimkien. Nixtiequ li aktar bnedmin isiru mhux biss jafuh iżda jħobbuh fuq kollox. Nitolbu biex dawk li qegħdin fit-triq il-ħażina jaqbdu t-triq it-tajba. Ikollna qalb tan-nar lejn Alla billi bħal Ġesù, Alla jiġi l-ewwel u qalbel kollox, qabel l-interessi u l-pjanijiet tagħna.

Inkunu bħal Ġesù jekk ikollna qalb tal-laħam għall-proxxmu tagħna billi nagħmlu karità, inħennu u nagħmlu l-ġid anki ma’ dawk li jagħmlulna d-deni filwaqt li naħfrulhom. Jekk ikollna qalb tan-nar għal Alla, ikollna wkoll qalb tal-laħam għall-proxxmu tagħna.

Ikollna bħal Ġesù qalb tal-bronż għalina nfusna jekk ma nibżgħux miċ-ċaħdiet biex nagħmlu l-ġid, ninsew lilna nfusna biex naħsbu f’ħaddieħor, filwaqt li l-iskop ta’ ħajjitna ma jkunux l-interessi tagħna iżda l-glorja ta’ Alla.  Filwaqt li ħadd ma jieħu gost jiċħad lilu nnifsu, madakollu ma nkunux fhimna l-Qalb ta’ Ġesù jekk ma naslu biex nagħmlu xi ċaħdiet li jġibulna xi ftit tat-tbatija iżda din tkun bħal ta’ Ġesù jiġifieri li twassal għal-glorja.

Kitba ta’ Angelo Xuereb