Kunu perfetti


It-Tlieta 18 ta’ Ġunju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fi tmiem is-Sena ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

IMG_0025

KUNU PERFETTI

Ħobża nejja ma tkunx tajba għall-ikel! Niftakar meta kont żgħir u ommi kienet tibgħatni nixtri l-ħobż, kont naqla’ għajta għax kont neħdilha ħobża bajda! L-istess ikel li jkun nofs sajran ma jkunx tajjeb!

Hekk ukoll nistgħu ngħidu għalina l-bnedmin: hawn min ikun nej, ażżmu jew nofs kedda! Normalment wieħed jaqla’ dawn it-titli meta jkun nieqes mill-ħeġġa, għażżien, nieqes mill-motivazzjoni. L-istess jingħad għal min jibqa’ ma jimmaturax jew ma jikbirx. Kulħadd jista’ jsib ruħu f’din il-kategorija, anki aħna s-saċerdoti u l-isqfijiet! Dan kollu jgħodd ukoll għas-seminaristi li jinsabu fis-snin tal-formazzjoni.

Meta fil-Vanġelu jistedinna biex inkunu “perfetti kif huwa perfett Missierkom li hu fis-Smewwiet” (Mt 5:48), Ġesù qed jgħidilna biex f’ħajjitna dejjem nippruvaw inkunu aħjar milli aħna. Ġesù ma jridniex inkunu medjokri, imma għandna nfittxu nikbru gradwalment. Il-ħajja hija proċess ta’ maturazzjoni u għalhekk il-bniedem ma jistax jistalla, jintefa jew jintrema. Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bil-ftit jew inkunu sodisfatti li nitkaxkru. Importanti li jkollna ideali għolja u mhux inbaxxu l-aspettattivi. Ħażin min jirraġuna li biżżejjed għalih jekk fil-ħajja jġib pass mark u għalhekk ma jistinkax biex jilħaq livelli ogħla.

Li wieħed jimmira li bil-mod il-mod itejjeb lilu nnifsu ma jfissirx li jkun perfezzjonista! Min hu perfezzjonist għandu difett kbir għax qatt ma jammetti żball u qatt ma jkun kuntent bih innifsu – għaldaqsant il-perfezzjonist huwa suġġett għal ansjetà, depressjoni u disturbi serji oħra. Imma li wieħed jaspira li jkun perfett ifisser li jkun qed jaħdem fuqu nnifsu biex maż-żmien ikun komplut jew sħiħ – imma dan huwa proċess mifrux tul ħajjitna kollha!

Is-snin tal-formazzjoni fis-Seminarju għandhom dan l-għan: li jgħinu lis-seminarista, li huwa saċerdot futur, biex jimmatura umanament, spiritwalment, akkademikament u pastoralment. Jekk seminarista jibqa’ lura f’xi waħda minn dawn l-erba’ dimensjonijiet, hemm riskju serju li jkun saċerdot ta’ nofs kedda. Jien kuntent ħafna bis-saċerdoti li jiffurmaw il-formation team fis-Seminarju tagħna għax jagħmlu ħilithom biex jakkumpanjaw u jistimulaw lis-seminaristi biex jimxu ’l quddiem fl-erba’ aspetti li semmejt. Huwa dmir tagħhom li perjodikament jagħmlu valutazzjoni tal-progress li jkun qed jagħmel is-seminarista, b’hekk jgħinuh ikompli jindirizza ruħu. Xi drabi din l-għajnuna taf tkun providenzjali, għax ikun hemm min ma jintebaħx li mhux qed jagħmel progress jew, agħar minn hekk, li jkun sejjer lura!

Meta llum qegħdin nikkonkludu s-Sena formattiva, nistieden lilkom, seminaristi, biex tagħmlu eżami tal-kuxjenza u taraw fejn kbirtu u fejn intfajtu lura. Nagħti xi indikazzjonijiet. Fil-ħajja spiritwali wieħed jista’ jistaqsi jekk kibirx fir-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù, jekk it-talb li jgħid għadux biss talb skedat jew sarx mumenti ta’ intimità ma’ Ġesù. Fir-rigward tal-istudji teoloġiċi wieħed ma jistax ikun kuntent li sempliċement jgħaddi jew jgħadduh (!), imma jrid ikebbes fih l-interess għar-riċerka u t-tagħlim. F’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma pastorali tajjeb li wieħed jeżamina jekk rawwamx fih il-passjoni u ħeġġa għal Kristu u l-bnedmin! L-istess stħarriġ wieħed għandu jagħmlu dwar il-maturazzjoni umana u dwar ir-relazzjonijiet interpersonali u komunitarji. Huwa fatt li min ma għandux interess li jkun “perfett” ser ikun seminarista/saċerdot ta’ nofs kedda.

Dan l-eżami ta’ kuxjenza jiswa li nagħmluh kollha, inklużi l-lekċerers involuti fil-formazzjoni tas-seminaristi, u nistaqsu jekk konniex dejjem preżenti għalihom u jekk offrejnielhomx l-għajnuniet meħtieġa biex jikbru.

Huwa eżami ta’ kuxjenza li jeħtieġ jagħmluh il-ġenituri u l-familjari tas-seminaristi. Għalkemm ħafna drabi dawn joffru kontribut pożittiv, jaf ikun hemm ċirkustanzi fejn minkejja li jkollhom rieda tajba, l-intervent tagħhom jaf ixekkel jew saħansitra jwaqqaf il-proċess tal-maturazzjoni tas-seminarista!

L-istess stedina biex jagħmlu dan l-eżami ta’ kuxjenza nagħmilha lill-komunitajiet parrokkjali, partikularment lill-presbiterja, fejn is-seminaristi qed jagħmlu l-esperjenza pastorali. Normalment dawn joffru riżorsa valida għas-Seminarju, imma huwa fatt ukoll li xi wħud jistgħu jkunu influencers negattivi li jħottu l-programm ta’ formazzjoni propost mis-Seminarju!

Il-kelma “perfetti” ġejja mil-Latin perficere fis-sens li wieħed itemm jew iwassal għall-milja proġett. Imma dan l-aħħar kont qed naqra li l-frażi “kunu perfetti” nistgħu ninterpretawha b’mod passiv, fis-sens: Ħalli lil Alla jagħmlek perfett – jagħmlek sħiħ. Dan ifisser li meta Ġesù qed jgħidilna biex inkunu “perfetti kif huwa perfett Missierkom”, qed jistedinna biex inħallu lil Alla jkompli jħobbna sakemm nimtlew bi mħabbtu – sakemm nimtlew bl-Ispirtu s-Santu li bħal nar isajjarna! Fil-fatt, aħna mhux ser insiru perfetti jew maturi bil-ħila tal-isforzi tagħna biss, imma bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla. Jingħad li darba Santa Katerina ta’ Siena semgħet lil Ġesù jgħidilha: “Inti iftaħ qalbek u jien ngħaddi minnek bħal xmara”. Fi kliem ieħor, “kunu perfetti” jfisser “ħejji qalbek” biex l-Ispirtu ta’ Alla jissawwab fiha! Għalhekk dan il-proċess ta’ maturazzjoni għandu jkun assolutament akkumpanjat b’ħajja spiritwali intensa.

Għalhekk, għeżież seminaristi, filwaqt li rroddu ħajr lil Alla li kabbarkom matul din is-sena li qed intemmu, inħeġġiġkom biex issaħħu fikom ix-xewqa qaddisa li tkunu perfetti u komplu afdaw lis-superjuri tagħkom li għandhom id-dmir iebes li jgħidulkom il-verità dwar il-progress li tkunu qegħdin tagħmlu.