It-Tielet Jum fil-Forum Internazzjonali taż-Żgħażagħ

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Jum – Il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju 2019.

Tirraporta minn Ruma Jennifer Cauchi

It-tielet u l-aħħar ġurnata tal-Forum Internazzjonali taż-Żgħażagħ kienet dwar il-kontribuzzjoni taż-żgħażagħ b’risq Knisja Sinodali. Wara t-talba ta’ filgħodu, Patri Rossano Sala sdb, Segretarju speċjali tas-Sinodu taż-Żgħażagħ, tkellem dwar it-tranżizzjoni mill-ħolm għad-deċiżjonijiet u kif iż-żgħażagħ għandhom jiġu akkumpanjati fil-mixja vokazzjonali tagħhom.

Huwa għamel enfasi fuq kif iż-żgħażagħ għandhom x’jgħallmu lill-adulti, l-importanza li jimxu flimkien id f’id. Iż-żgħażagħ preżenti għandhom ikunu xhieda ħajja u mhux sempliċiment iqassmu l-Christus vivit lil żgħażagħ oħra. Il-ħolm biex wieħed jilħaq l-għanijiet tiegħu għandhom jiġu mibdula f’għażliet. Kulħadd għandu jieqaf iħares mill-gallarija u jqiegħed id-deċiżjonijiet fil-prattika. Iż-żgħażagħ huma bħal fjura li ma tridx tibqa’ magħluqa, biex hekk toħroġ is-sbuħija kollha tagħha.

It-tieni kelliem kien is-Segretarju Dun Alexandre Awl Mello, li tkellem fuq il-mixja lejn ministeru pastorali sinodali, popolari u missjunarju. Huwa semma kemm huwa importanti li kulħadd jagħti s-sehem tiegħu fil-ħajja tal-Knisja u li ż-żgħażagħ għandhom jiġu rrappreżentati f’kull qasam.

Iż-żgħażagħ iddiskutew kif se jimxu f’din il-mixja sinodali flimkien mal-komunitajiet tal-Knisja. Għalkemm mhuwiex faċli minħabba sitwazzjonijiet ta’ gwerer, persekuzzjoni, klerikaliżmu u nuqqas ta’ konsistenza, kienu ħafna li ħarġu b’messaġġi ta’ inkuraġġiment biex wieħed ma joqgħodx jistenna biex jieħu azzjoni imma jsib il-kuraġġ, għaliex Kristu huwa miegħu f’kull ħin. “Aħna l-wiċċ ta’ Kristu; m’aħniex se nqassmu d-dokument, imma aħna d-dokument”. Kulħadd jista’ jagħmel differenza.

Kien hemm enfasi fuq il-kollaborazzjoni, speċjalment bejn iż-żgħażagħ u l-isqfijiet. L-isqfijiet għandhom ikunu aktar miftuħa għal dak li għandhom xi jgħidu u jikkontribwixxu ż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ min-naħa tagħhom għandhom ukoll jaqraw dokumenti maġisterjali biex ikun jista’ jkun hemm kollaborazzjoni aktar b’saħħitha.

Mello qal li ż-żgħażagħ għandhom ikunu l-protagonisti. Huwa żvela li se tiġi mwaqqfa kummissjoni fid-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja biex iżommu kuntatt maż-żgħażagħ madwar id-dinja biex jagħtu s-sehem tagħhom fid-deċiżjonijiet.

Dun João Chagas, Direttur tal-Uffiċċju taż-Żgħażagħ tad-Dikasteru, ikkonkluda l-Forum billi qal li min jaħseb li l-Knisja hija mejta kulma ried jagħmel hu jattendi għal dan il-forum u jara, għaliex ħass li kien hemm preżenza vera ta’ Knisja ħajja u żagħżugħa, esperjenza unika tal-universalità. Iż-żgħażagħ huma l-Pentekoste tal-Knisja.

Il-jum intemm b’quddiesa mill-Isqof Fabio Fabene, Sotto-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li fakkar liż-żgħażagħ li l-missjoni tagħhom hija li jfakkru lid-dinja biex ma tkunx mejta, li Alla huwa ħaj! Alla jħobb il-ferħ tagħhom u jistedinhom jgħixuha fi fraternità, għax huwa jħobb lil min jagħti bil-ferħ.

Wara, saret lejla soċjali mżewqa b’mużika, żfin, kant u lbies ta’ kulturi differenti madwar id-dinja.

%d bloggers like this: