It-Tieni Jum tal-Forum taż-Żgħażagħ f’Ruma


It-Tieni Jum – Il-Ħamis 20 ta’ Ġunju 2019.  
Tirraporta minn Ruma Jennifer Cauchi

It-tema tat-tieni jum tal-Forum Internazzjonali taż-Żgħażagħ f’Ruma kienet iċċentrata fuq il-Christus vivit, il-quċċata tas-Sinodu taż-Żgħażagħ. Il-jum beda b’Lectio Divina: “għajnejhom infetħu” (Lq 24:31), b’riflessjoni mill-Prof. Rosalba Manes, għalliema fit-Teoloġija Biblika li semmiet kif Ġesù, li kien barrani għad-dixxipli ta’ Għemmaws peress li ma għarfuhx, mexa magħhom f’mument li kienu għaddejjin minn diżappunt kbir.Ġesù akkumpanjahom u semagħhom, tant li stednuh biex jibqa’ magħhom, xi ħaġa li fl-Orjent, meta persuni jieklu flimkien madwar mejda, tfisser li huma familja jew ħbieb.

20190620_223327Din hija esperjenza li wkoll jgħaddu minnha ż-żgħażagħ, u bħalma nsibu fil-Christus vivit, jeħtieġ nakkumpanjawhom fil-mixja tagħhom, speċjalment f’mumenti ta’ diżappunt, solitudni u qtigħ il-qalb. Il-ħin u l-attenzjoni sħiħa huma l-akbar rigal li nistgħu nagħtu, u ngħinunhom jerġgħu jagħrfu lil Ġesù biex terġa’ titkebbes il-fjamma, tħabbat il-qalb għal Kristu.

Il-Prof. Robert Chealb, għalliem tat-Teoloġija Fundamentali, iffoka fuq ir-raba’ kapitlu tal-Christus vivit, “L-aħbar il-kbira liż-żgħażagħ kollha”. Huwa qal li l-akbar messaġġ tal-Kelma ta’ Alla mhuwiex l-imħabba imma li aħna maħbuba, u biex tħoss din l-imħabba sħiħa trid tkun strument biex tgħaddi din l-imħabba lill-oħrajn.

Wara dan kien hemm diversi youth ministry leaders li tkellmu dwar il-Christus vivit. Fost l-oħrajn issemma kif dan id-dokument huwa ittra ta’ mħabba profonda mingħand il-Papa Franġisku, bħal rigal mingħand in-nannu lin-neputijiet tiegħu. Leader ieħor qabbel il-Christus vivit ma’ ‘pep talk’ f’nofs logħba, fejn il-coach jinkuraġġixxi lill-plejers – inkluż lil dawk li ma lagħbux fl-ewwel parti tal-logħba – biex jagħmlu kuraġġ, joħorġu fil-grawnd u jirbħu l-logħba, b’referenza għaż-żgħażagħ preżenti, inkluż dawk li ma kellhomx sehem fis-Sinodu imma li huma lkoll imsejħa biex joħorġu b’kuraġġ fl-għalqa tal-Mulej.

cv_front_book_cover_284x400-1Il-Christus vivit f’diversi pajjiżi tefgħet dawl fuq il-mistoqsija: Min se jieħu r-responsabbiltà taż-żgħażagħ? Is-Sinodu mhuwiex biss avveniment iżda mixja u djalogu kontinwu. Il-Youth Ministry m’għadux iffokat fuq kif se niġbdu ż-żgħażagħ lejna, kif se ninkoraġġuhom jattendu, statistiċi u numri, iżda li niltaqgħu magħhom fejn qegħdin u nakkumpanjawhom fil-mixja tagħhom. It-tielet kapitlu jindirizza diversi kwistjonijiet diffiċli fil-ħajja taż-żgħażagħ, iżda r-raba’ kapitlu huwa bħal dawl f’tarf ta’ mina. Meta nkunu nafu li aħna maħbuba, dan id-dawl jersaq aktar dejjem fil-qrib.

Fil-gruppi ż-żgħażagħ iddiskutew il-modi ta’ kif il-Christus vivit ispirat id-dinja ta’ madwarna u ppreżentaw diversi keywords ta’ kif jiddeskrivu dan id-dokument u l-impatt tiegħu. Wara ġiet iċċelebrata quddiesa mir-Rev. Alexandre Awi Mello, Segretarju tad-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, u l-ġurnata ntemmet b’Adorazzjoni Ewkaristika.

Ara l-Christus Vivit bil-Malti fil-Laikos …