Talb għall-Paċi fil-Korea t’Isfel


Il-komunità Kattolika fil-Korea t’Isfel fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet inġabret  f’Imjingak fejn kienet ċelebrata quddiesa speċjali għall-paċi fil-Peninsula Koreana, fl-istess jum li fih kienet bdiet il-gwerra bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel, fl-1950.

coreaL-aġenzija tal-aħbarijeit FIDES qalet li l-inizjattiva għal din il-Ġurnata ta’ Talb għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni tal-Poplu Korean kienet organizzata mill-Konferenza Episkopali u fiha ħadu sehem aktar minn 20,000 Kattoliku mid-diversi djoċesijiet tal-pajjiż.

Il-Kardinal Andrew Yeom Soo-Jung, Arċisqof ta’ Seoul mexxa ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u miegħu kkonċelebra Mons. Alfred Xuereb, Nunzju Apostoliku fil-Korea t’Isfel.

Il-Kardinal qal lil dawk preżenti: “Niddedikaw din il-Quddiesa għal dawk li tilfu ħajjithom fil-Gwerra tal-Korea. B’mod partikolari niftakru f’dawk il-familji li għadhom separati sal-lum bil-fruntiera bejn iż-żewġ partijiet tal-pajjiż u li għadhom isofru minn din it-trawma. Il-Knisja Kattolika kollha , immexxija mill-Papa Franġisku, qed titlob biex iż-żerriegħa tal-paċi, tinbet fl-istorja diffiċli ta’ dan il-pajjiż”.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbariijiet ta’ Radju Marija b’referenza għal Newsbook.com.mt