Quddiesa għall-Migranti mill-Papa


Il-Papa Franġisku se jiċċelebra Quddiesa għall-Migranti f’Ruma fil-Bażilika ta’ San Pietru fit-8 ta’ Lulju biex ifakkar is-sitt anniversarju taż-żjara tiegħu fuq il-gżira ċkejkna ta’ Lampedusa lil hinn mill-kosta ta’ Sqallija.  Mistennija jieħdu sehem madwar 250 ruħ għal din iċ-ċelebrazzjoni fosthom migrant, refuġjati u dawk li qed jiddedikaw ħajjithom biex isalvawhom.

000_DV1525500-755x491
Ritratt miż-żjara tal-Papa Franġisku f’Lulju 2013

Il-Papa Franġisku jixtieq li dan ikun mument ta’ ġabra bħala tifkira ta’ tant persuni li tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaħarbu mill-gwerra u l-miżerja kif ukoll bħala inkoraġġiment għal dawk li jaħdmu kuljum biex isostnu, jakkumpanjaw u jilqgħu lill-migranti u r-refuġjati.

Il-Papa Franġisku wera kemm għandu għal qalbu l-karba u t-talba tar-refuġjati u l-migranti meta hekk kif ġie elett għażel li l-ewwel żjara pastorali tiegħu barra minn Ruma kienet Lampedusa kważi erba’ xhur wara.

Hemmhekk il-Papa kien talab għal tant migranti illegali li għerqu huma u jippruvaw jilħqu x-xtut tal-Ewropa.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija