Il-qalb kbira tal-pulizija


It-Tnejn, 15 ta’ Lulju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Quddiesa b’suffraġju għall-Pulizija mejtin. Ċimiterju ta’ San Marija, ix-Xewkija.

IMG_7979

IL-QALB KBIRA TAL-PULIZIJA

Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb tikkonfermalna li l-kriminalità hija antika daqs il-bniedem! Il-ħallelin ħabtu fuq dak ir-raġel li kien nieżel minn Ġerusalemm għal Ġeriko, neżżgħuh, biċċruh bis-swat, serquh u ħallewh nofsu mejjet fit-triq! Dak li għamel is-Samaritan ma’ dan ir-raġel li waqa’ f’idejn il-ħallelin ifakkarni f’dak kollu li tagħmlu intom il-pulizija mal-vittmi tal-kriminalità ta’ żminijietna. Għal ħafna mill-vittmi tal-imġiba diżordinata tal-bnedmin, allaħares ma tkunx il-pulizija li tgħinhom iqumu fuq riġlejhom.

Ninnota li dak li waqaf joffri l-assistenza lil dan ir-raġel maħbut kien Samaritan. Dan ifisser li la kien jirfes fis-sinagoga u lanqas fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Fi kliem ieħor, ma kienx raġel “tal-knisja”! Mentri s-saċerdot u l-Levita, li kienu “reliġjużi” u midħla tat-Tempju, rawh imma baqgħu għaddejjin. Għall-kuntrarju tas-Samaritan, kemm is-saċerdot u kemm il-Levita kienu jafu sewwa x’tgħid il-liġi miġbura fil-Kotba Mqaddsa; anzi, proprju għax riedu joqogħdu għal-liġi li kienet tgħid li ma għandhom imissu xejn li jniġġishom jew iħammiġhom, huma għażlu li jibqgħu għaddejjin! Dan huwa l-każ tipiku tal-prinċipju tad-dritt Ruman summum ius summa iniuria – fis-sens li meta wieħed isegwi l-liġi b’mod riġidu biex mingħalih jagħmel il-ġustizzja, jaf ikun qed jagħmel inġustizzja!

Xi drabi jkun hemm ċirkustanzi fejn biex wieħed ikun ġust f’għemilu jkollu jagħżel li ma jimxix mal-ittra tal-liġi imma mal-ispirtu tagħha. Fil-ħajja hemm waqtiet meta biex wieħed jagħmel is-sewwa jkollu jmur ’l hinn mil-liġi. Kif jgħid il-Papa Franġisku, “inkunu nfaqqru wisq id-diskors tagħna meta noqogħdu nqisu biss jekk l-aġir ta’ persuna huwiex iwieġeb jew le għal norma ġenerali, għax dan mhux biżżejjed biex nistgħu niddixxernu u niżguraw fedeltà sħiħa lejn Alla fil-ħajja konkreta tal-bniedem… Fil-qasam prattiku mhijiex l-istess għal kulħadd il-verità jew in-norma prattika f’relazzjoni mal-partikular” (AL, 304). Dan huwa approċċ delikat ħafna, għax jekk wieħed ma jkunx responsabbli fl-applikazzjoni tiegħu, faċli jiżbalja. Min-naħa l-oħra, min jieħu din l-attitudni umana jaf jaqla’ ħafna kritika inġusta, għax min ma jkunx jaf id-dettalji tal-każ partikulari, ma jifhimx għaliex il-liġi ma tkunx ġiet applikata sal-anqas tikka!

Biex jagħmlu dan l-eżerċizzju l-pulizija, li huma gwardjani tal-ġustizzja u mhux tant tal-liġi, jeħtieġu mhux biss l-għarfien tal-liġi imma li jkollhom qalb kbira. Għax hija l-qalb u mhux l-għajnejn li tara dak li huwa essenzjali fil-ħajja. Minkejja li s-saċerdot u l-Levita kienu għorrief tal-liġi, xorta baqgħu “ma rawx” lil dak ir-raġel; min-naħa tiegħu, is-Samaritan kellu qalb kbira u ra dak li ħaddieħor ma rax. Għalhekk nirrakkomanda li fil-Korp tal-Pulizija flimkien mal-formazzjoni akkademika tingħata wkoll attenzjoni biex tkun iffurmata l-qalb tal-membri. Daqskemm tkun kerha li jkollna pulizija bla moħħ, daqshekk u aktar tkun kerha li jkollna pulizija bla qalb.

Għeżież pulizija, intom il-proxxmu tagħna: is-soċjetà għandha serħan il-moħħ li intom “qrib” tal-poplu biex tgħinuh fil-ħtiġijiet kollha tiegħu. Ħafna minnkom tixbhu lis-Samaritan tal-parabbola għax tagħtu lilkom infuskom biex idewwu u tfejqu kemm lill-vittmi tal-kriminalità u kemm lil dawk li jiżbaljaw.