Il-Parrhesia fit-Tħabbir tal-Kelma


Qed ngħixu f’kultura fejn trid toqgħod attent kif titkellem, biex ma turtax lil min qed jisimgħek. Jista’ jkun li din il-kultura daħlet ukoll fil-mod kif inwasslu l-kelma t’Alla. Xi drabi, fit-tagħlim tagħna biex inwasslu l-fidi lill-oħrajn, meta niġu biex nistqarru l-fidi tagħna u ngħallmu r-reliġjon li nħaddnu, qed inkunu prudenti xi ftit aktar milli għandna nkunu.

Qisna ma nkunux irridu nagħtu l-impressjoni li qed nippruvaw nimponu l-fidi tagħna fuq l-oħrajn u li qed inġagħluhom jaċċettaw dak li aħna nemmnu fih. Jista’ jkun li nippruvaw nitkellmu dwar il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna b’mod biss li għandu jkun ‘aċċettabbli’ għal dawk li qed jisimgħuna. Naddattaw ruħna, iktar milli għandu jkun, forsi biex ningħoġbu u ma ndejqux lil min ma jaqbilx għalkollox f’dak li nkunu qed inħabbru.

X’inhi l-parrhesia

Imma t-Testment il-Ġdid juri li l-attitudni tagħna għandha tkun differenti minn hekk. It-teologu Anselm Grün jgħid li fil-Vanġelu hemm rifless terminu li hu fattur importanti fid-demokrazija tal-Greċja antika, li jissejjaħ il-parrhesia. Din kienet il-libertà li biha l-oraturi Griegi kellhom id-dritt jesprimu dak li jixtiequ mingħajr ma jagħtu każ tal-lifronti li setgħu jiġu minn dawk li qed jisimgħuhom u mill-akkużi li setgħu jagħmlu kontrihom dawk li jkunu fil-poter.

Wieħed mill-eżempji tal-parrhesia fit-Testment il-Ġdid insibuh fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, fejn juri b’liema libertà u frankezza kien jgħallem Ġesu. Il-Qassis il-Kbir jinterroga lil Ġesù fuq it-tagħlim tiegħu. Ġesu jwieġbu: “Jiena kellimt lid-dinja bid-dieher; jiena dejjem għallimt fis-sinagoga u fit-tempju, fejn jinġemgħu l-Lhud kollha”. (Ġw 18,20). Anselm Grün, biex jispjega x’inhi l-parresia, imur għall-Vanġelu ta’ San Ġwann bil-Grieg. Fil-verżjoni Griega, “Jien kellimt lid-dinja” nsibuha parrhesia lelaleka to kosmo”. Ġesu ma qagħadx jagħżel fost l-udjenza, lanqas ma kien jara kif in-nies se jieħdu kliemu, imma tkellem qisu qed jindirizza lil kulħadd, hu min hu, ta’ liema razza, pajjiż u reliġjon

parrhesiaFl-Atti tal-Appostli, Luqa wkoll juża l-kelma parrhesia kif kienu jużawha l-filosfi Griegi. Jgħid li l-Appostli xandru l-Aħbar it-Tajba b’mod sinċier, b’qawwa kbira u bla biża’. Luqa jqiegħed quddiemna lil Pietru u Ġwanni li tkellmu b’tant kjarezza u b’konvinzjoni ferma saħansitra quddiem il-Gran Kunsill ta’ Israel. Hu evidenti l-kuraġġ ta’ Pietru u Ġwanni meta “jitkellmu bla tlaqliq u (in-nies ta’ Ġerusalemm) kienu jafu li kienu nies bla għerf u bla tagħlim”. Mhux ta’ b’xejn li n-nies impressjonaw ruħhom bi kliem Pietru u Ġwanni (Atti 4,13).

Reazzjoni mħallta

Il-Lhud ma damux ma tefgħu lill-Appostli fil-ħabs. Għall-kuntrarju l-pagani, li l-ewwel indirizzahom Pietru u mbagħad Pawlu, ma ħaduhiex hekk, imma rreaġixxew bil-ferħ, għax l-Aħbar it-Tajba setgħet timla’ bżonn li kien midfun ġo fihom. Wara kollox, dan hu bżonn f’kulħadd: in-nies iġorru fihom dik ix-xewqa profonda li jsibu sens għal ħajjithom.

Lanqas ma ħaduha kontra Pawlu dawk l-Atenjani li hu kellem fl-Areopagu. Pawlu ma qgħadx lura milli jsemmi l-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, għalkemm seta’ jara li l-Griegi mhux se jifhmuh u fil-fatt “x’uħud bdew jiddieħku” b’dak li qalilhom. Imma oħrajn ġew milquta minn kliem Pawlu u qalulu: “Nisimgħuk darba oħra”, u “xi rġiel ingħaqdu miegħu u emmnu, fosthom Dionisju l-Areopagi u mara jisimha Damaris, u oħrajn magħhom” (Atti 17,34).

Fl-ittra lill-Efesin, Pawlu jagħfas fuq iċ-ċertezza li għandu jqiegħed fi kliemu min qed iwassal l-Aħbar it-tajba. Jgħid li ngħatatlu l-grazzja li jxandar lill-pagani skont “il-pjan ta’ dejjem li Hu għamel għal Kristu Ġesù Sidna, li bih għandna l-ħila nersqu b’qalbna qawwija bil-fidi tagħna fih” (Ef 3,12). Fl-ittra lil-Lhud, insibu hekk: “U daru hi aħna, jekk inżommu fiduċja u l-ftaħir tat-tama” (Lhud 3,6).

L-ewwel Insara kienu ħafna drabi mistoqsijin dwar l-imġiba tagħhom. Allura kellhom jitkellmu apertament dwar il-fidi u t-tama tagħhom, għax kienu l-fidi u t-tama li ispiraw il-mod ta’ mġiba tagħhom. U Pietru stieden lill-Insara biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba, imma mhux b’mod aggressiv jew arroganti imma bil-ħlewwa u bl-umiltà.

Il-bilanċ fit-tħabbir tal-kelma

It-terminu parrhesia kien suġġett li semma’ l-Papa Franġisku fil-pellegrinaġġ tal-katekisti mid-dinja kollha li sar f’Ruma f’Settembru tal-2013. Forsi hu terminu minsi, imma hu tradizzjonali fil-Knisja. Dan juri l-bżonn li anke llum, min qed ixandar l-Aħbar it-Tajba, irid jagħmel dan b’kunfidenza, b’ċertezza, b’kuraġġ u b’awtentiċità. Biex jasal għal dan, irid iħalli lilu nnifsu jiġi ispirat minn kif għamel Pawlu fl-Areopagu. Pawlu tela’ mill-esperjenzi ta’ kuljum tan-nies u fl-istess ħin jazzarda li jidher qed jaqa’ f’kuntradizzjoni meta semma’ s-Salib u l-Qawmien ta’ Ġesù. Ma beżax jagħmilha ċara li s-Salib u l-Qawmien huma ċ-ċentru tal-fidi Nisranija.

Min-naħa, dak li wieħed jgħid irid ikun viċin kemm jista’ jkun tal-ħajja ta’ kuljum ta’ dawk li niltaqgħu magħhom u min-naħa l-oħra l-kliem irid ikun iħares dejjem lejn Kristu. Pietru, fl-ewwel ittra tiegħu, jagħtina dan il-parir: “Lill-Mulej Kristu agħtu qdusija f’qalbkom, u kunu dejjem imħejjijin biex twieġbu lil kull min jistaqsikom il-għala tat-tama li għandkom fikom, imma dejjem bl-ħlewwa u bil-ġieħ u b’kuxjenza tajba” (1 Pt 3,15).

Kull wieħed minna għandu ‘stil’ differenti. Hemm dawk li huma prudenti żżejjed meta se jitkellmu dwar il-fidi u hemm oħrajn li jwassluha bis-saħħa, bħallikieku dawk kollha li ma jemmnux huma injoranti. Il-parrhesia tal-ħabbar Nisrani għandu jkollha l-bilanċ li jistednuna għalih Pietru u Pawlu, biex l-Aħbar it-Tajba titwassal b’libertà u b’entużjażmu, imma fl-istess ħin bi prudenza.  Nagħmlu dan b’mod ċar u umli, bi djalogu mal-oħrajn filwaqt li nieħdu l-ħin biex nisimgħuhom. Ħsiebna jkun li nuru li l-fidi tagħtina l-forza biex ngħixu bit-tama, u tagħtina l-qawwa biex ngħinu fil-bini ta’ dinja b’ambjent ta’ paċi, ta’ mħabba u ta’ maħfra.

Kitba ta’ Joe Galea