Il-Papa f’Santa Marta: Il-ħniena hi att ta’ ġustizzja


It-Tlieta, 17 ta’ Settembru 2019: Ladarba l-lingwaġġ ta’ Alla hu l-ħniena, kif jistgħu l-bnedmin idawru wiċċhom in-naħa l-oħra u jibqgħu indifferenti quddiem il-fqir, is-solitudni, id-dgħufija? Din hi kwistjoni ta’ ġustizzja, ikkummenta l-Papa Franġisku llum, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Fis-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (7, 11-17) hemm kelma li tittenna spiss fl-Evanġelji: ħniena. L-evanġelista ma jgħidx ‘ġietu ħniena’ imma li ‘tħassarha’. Fis-sustanza jfisser li mtela bil-ħniena.

U kienet il-ħniena, spjega l-Papa, li ġagħlitu jara r-realtà ta’ dak il-waqt.  Kien hemm folla kbira miexja warajh, kien hemm id-dixxipli, kien hemm il-korteo funebri, l-omm, il-mejjet… imma hu ra r-realtà.  Ir-realtà kienet li dik il-mara kienet tilfet kollox għax tilfet l-uniku iben li kellha, hi li kienet armla.

Kien hemm in-nies, il-ħbieb li kienu jakkumpanjaw lill-mara… imma l-Mulej jara r-realtà: dik l-omm waħedha minn issa sa tmiem ħajjitha. Il-ħniena tgħinek tara r-realtà kif inhi; il-ħniena qiesha l-lenti tal-qalb: biha nifhmu tassew il-qies tas-sitwazzjoni. Fl-Evanġelji naraw tant drabi li Ġesù ġietu ħniena. Wara kollox, il-ħniena hi l-lingwaġġ ta’ Alla. Fil-Bibbja kien Alla li qal lil Mosè: ‘Rajt in-niket tal-poplu tiegħi’ (Eż. 3, 7). Kien minħabba l-ħniena li Alla bagħat lil Mosè biex isalva lill-poplu. Għax Alla tagħna hu Alla tal-ħniena u l-ħniena nistgħu ngħidu li hi d-dgħufija ta’ Alla imma wkoll il-qawwa tiegħu. Lilna jtina l-aħjar: kienet il-ħniena li minħabba fiha bagħtilna lil Ibnu.

Il-ħniena, issokta Franġisku, mhix sempliċi sentiment ta’ wġigħ: dan ikun ħaġa superfiċjali. Infatti anke jekk naraw kelb imut inħossuna mnikktin. Imma din mhix ħniena. Il-ħniena hi li inti titwaħħad mal-problema tal-ieħor, sa tqiegħed l-istess ħajtek f’riskju.

Iżda mad-dixxipli ma jiġrix l-istess: ma jifhmux, afferma l-Papa li kkwota pass ieħor tal-Evanġelju: it-tkattir tal-ħobż. Kien hemm il-folla tiġri wara Ġesù l-ġurnata kollha, tisimgħu. L-Evanġelju jsemmi 5,000 raġel minbarra n-nisa u t-tfal. Jibda jidlam u d-dixxipli jmorru għand Ġesù u jgħidulu biex jibgħathom fil-villaġġi tal-qrib ħalli jsibu x’jieklu u biex jistrieħu… u huma (id-dixxipli)… jibqgħu ftit fil-kwiet… Din ma jgħiduhiex imma jħossuha. Jagħmlu dan is-suġġeriment bil-prudenza. Mit-tweġiba li tahom jiena nemmen li dak il-ħin Ġesù ħassu xi ftit irrabjat, osserva l-Papa: ‘Agħtuhom intom x’jieklu!’ Wara ġurnata bħal din issa tridu tibagħtuhom fil-villaġġi? ‘Agħtuhom intom x’jieklu.’  Tgħabbew bil-problema tagħhom.

L-Evanġelju jgħidilna, kompla l-Papa, li l-Mulej tħassarhom għax kienu qieshom nagħaġ mingħajr ragħaj. Minn naħa kien hemm l-atteġġjament ta’ Ġesù li ġietu ħniena u mill-oħra dak tad-dixxipli: l-egoiżmu. Dawn fittxew soluzzjoni mingħajr kompromess, ma ridux iħammġu jdejhom. Setgħu qalu: ‘Ħa mmorru nġibu l-ikel aħna.’ Imma le… ħalli jmorru huma u jirranġaw…  Minn dan naraw illi l-lingwaġġ ta’ Alla hu l-ħniena imma dak tal-bnedmin huwa l-indifferenza.

Fotografu tal-Osservatore Romano, qal il-Papa, kien ġibed ritratt li semmieh ‘Indifferenza’. Semmejtu drabi oħra. F’lejl xitwi, quddiem ristorant lussuż, mara li toqgħod f’dik it-triq qed tnewwel idha lil mara oħra ħierġa mir-ristorant, liebsa tajjeb għall-bard, u din tal-aħħar qed tħares in-naħa l-oħra. Din hi l-indifferenza. Kemm drabi ndawru wiċċna n-naħa l-oħra u nagħlqu l-bieb tal-ħniena.

Il-Papa talabna nagħmlu eżami tal-kuxjenza u nistaqsu lilna nfusna: Jien inħobb indawwar wiċċi n-naħa l-oħra? Jew inħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxini lejn it-triq tal-ħniena?

Fl-Evanġelju tal-lum hemm kelma li laqtitni, osserva l-Papa Franġisku: lill-omm, Ġesù jgħidilha biex ma tibkix. Hi tmellisa ta’ ħniena; jersaq qrib u jmiss it-tebut. Dawk li kienu jġorruh jieqfu u mbagħad jgħid lill-ġuvni: ‘Qed ngħidlek, qum.’ Il-mejjet qam u beda jitkellem. Ġesù raddu lura lil ommu. Għamel att ta’ ġustizzja. Il-ħniena tmexxina lejn it-triq tal-ġustizzja vera. Dejjem għandna nroddu lura dak li ħaddieħor għandu xi dritt għalih għax dan jeħlisna dejjem mill-egoiżmu, mill-indifferenza u milli ningħalqu fina nfusna.

Inkomplu din l-Ewkaristija, temm jgħid il-Papa, b’dil-kelma ta’ Ġesù f’moħħna: ‘Il-Mulej ġietu ħniena.’ Jalla jkollu ħniena minna lkoll għax neħtiġuha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.