L-Isqof Mario Grech maħtur mill-Papa bħala Prosegretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet


Il-Q.T. il-Papa Franġisku llum ħatar lill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. L-Isqof Grech jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Segretarju Ġenerali meta mbagħad f’Awwissu li ġej il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, li hu s-Segretarju Ġenerali attwali tas-Sinodu, itemm il-mandat tiegħu.

(Ħajr lil TVM għal dan il-filmat)

Is-Sinodu tal-Isqfijiet twaqqaf mill-Papa San Pawlu VI fil-15 ta’ Settembru 1965 fuq talba tal-Isqfijiet li pparteċipaw fil-Konċilju Vatikan II biex jibqa’ ħaj fosthom l-ispirtu ta’ mixja flimkien li wettqu fl-istess Konċilju. Il-Papa Franġisku ġedded b’mod qawwi din l-istruttura f’Settembru tas-sena 2018 u għallem li s-sinodalità hija dimensjoni kostituttiva tal-Knisja fuq kull livell tal-ħajja tagħha.

Is-Sinodu, li għandu Segretarjat Ġenerali, hu magħmul minn Segretarju Ġenerali, Sottosegretarju, u għadd ta’ Kunsilli speċjali tal-Isqfijiet. Is-Sinodu jiltaqa’ f’diversi assemblej: f’Assemblea Ġenerali Ordinarja għall-kwistjonijiet dwar il-ġid tal-Knisja Universali; f’Assemblea Ġenerali Straordinarja għall-kwistjonijiet urġenti; f’Assemblea Speċjali għall-kwistjonijiet li jolqtu reġjun speċifiku wieħed jew iktar, bħal fil-każ tas-Sinodu li ser jibda nhar il-Ħadd li ġej għar-reġjun tal-Amażonja. Hija responsabbiltà tal-Papa li jsejjaħ Assemblea Sinodali fi qbil ma’ modalitajiet stabbiliti minnu.

L-Isqof Mario Grech mal-Papa Franġisku [ritratt - L'Osservatore Romano].jpgFil-frattemp, Mons. Mario Grech ġie maħtur Amministratur Appostoliku għad-Djoċesi ta’ Għawdex sakemm jinħatar Isqof ġdid għal Għawdex.

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Grech membru tal-Assemblea Speċjali tas-Sinodu għar- Reġjun Pan-Amażoniku li ser jiftaħ nhar il-Ħadd li ġej, 6 ta’ Ottubru, fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan.