Il-Ħamis, 3 ta’ Ottubru 2019: Il-laqgħa mal-Kelma t’Alla timliena bil-ferħ u hi l-qawwa tagħna. Dan fakkru l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Ħamis 3 ta’ Ottubru 2019. Ma nistgħux nifhmu l-festa tal-jum tal-Ħadd jekk inkunu neqsin mill-Kelma t’Alla.
Jeħtieġ niftħu qalbna għal-laqgħa mal-Kelma t’Alla li tnissel fina l-ferħ. Għalhekk jeħtieġ li l-Kelma li nisimgħu ma tidħolx minn widna u toħroġ mill-oħra.
Il-Papa kien qed jirrifletti dwar l-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħud mill-Profeta Neħemija. Hija l-istorja tal-laqgħa tal-poplu t’Alla mal-Kelma t’Alla. Hija storja ta’ rikostruzzjoni sħiħa.
Il-kuntest tal-istorja tal-qari hu l-bini mill-ġdid tat-Tempju u r-ritorn mill-eżilju. Neħemija, il-gvernatur, jitkellem mas-saċerdot u skriba Esdra biex il-Ktieb tal-Kelma t’Alla jitqiegħed f’post prominenti. Il-poplu kollu nġabar fil-pjazza quddiem Bieb l-Ilma u s-saċerdot Esdra beda jaqra: ‘Fetaħ il-Ktieb quddiem il-poplu kollu għax kien qiegħed fil-għoli u kif fetħu l-poplu kollu qam bilwieqfa.’
Il-leviti bdew jispjegaw il-Kelma lill-poplu. Ħaġa sabiħa. Imma aħna li mdorrijin nisimgħu l-Kelma t’Alla, aktarx imdorrijin ħażin, filwaqt li l-poplu kien nieqes minnha, kien miklub għaliha. Kien għalhekk li malli ra l-Ktieb tal-Kelma qam bilwieqfa. Kienet il-laqgħa tal-poplu ma’ Alla tiegħu, mal-Kelma t’Alla, ħaġa li kienet ilha għexieren ta’ snin ma ssir.
Neħemija, Esdra u l-leviti li kienu jgħallmu qalu lill-poplu kollu: ‘Dan hu jum ikkonsagrat lill-Mulej.’
Għalina dan hu l-jum tal-Ħadd, qal il-Papa.
Il-Ħadd hu l-jum tal-laqgħa tal-poplu mal-Mulej, il-laqgħa tal-familja tiegħi mal-Mulej. Huwa l-jum tal-laqgħa, huwa l-jum ikkonsagrat lill-Mulej.
Kien għalhekk li Neħemija, Esdra u l-leviti ħeġġew lin-nies biex ma jitnikktux, biex ma jibkux. Infatti l-qari jgħidilna li l-poplu beka waqt li kien qed jisma’. Kien qed jibki bit-tqanqil li ħass, kien qed jibki bil-ferħ.
Meta aħna nisimgħu l-Kelma t’Alla x’ikun qed jiġri fi qlubna? Inkunu attenti għall-Kelma t’Alla? Inħalluha tmissilna qalbna, jew noqgħod inħares lejn is-saqaf, naħseb f’affarijiet oħra, u minn widna tidħol u mill-oħra toħroġ, ma tasalx sa qalbi?
X’nagħmel biex inħejji ruħi ħalli l-Kelma tasal f’qalbi? Meta l-Kelma tmiss il-qalb ikun hemm biki ta’ ferħ, ikun hemm festa. Ma nistgħux nifhmu l-festa tal-Ħadd mingħajr il-Kelma t’Alla.
Imbagħad Neħemija qalilhom: ‘Morru, agħmlu festa, kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu u lil min ma ħejjewlu xejn agħtuh sehem ukoll’ – agħtu sehem lill-foqra – ‘għax dan hu jum ikkonsagrat lill-Mulej tagħna; titnikktux għax il-ferħ tal-Mulej hu l-qawwa tagħna.’
Il-Kelma t’Alla timliena bil-ferħ u dal-ferħ hu l-qawwa tiegħi, il-qawwa tagħna. L-Insara huma ferħana għax aċċettaw, fi qlubhom irċevew il-Kelma t’Alla u l-ħin kollu jiltaqgħu magħha, ifittxuha.
Dan hu l-messaġġ tal-lum għalina lkoll. Eżami tal-kuxjenza żgħir: Kif nismagħha l-Kelma t’Alla? Jew sempliċement ma nisma’ xejn? Kif inhi l-laqgħa tiegħi mal-Kelma tiegħu, il-Bibbja? Jien konvint/konvinta li l-qawwa tiegħi ġejja mill-ferħ li jtini l-Mulej? Il-qawwa tagħna ma tiġix mill-gdiedem!
Il-qalb sewda x-xitan malajr jegħlibha filwaqt li l-ferħ tal-Mulej jerfagħna; nibdew naraw, inkantaw u nibku bil-ferħ.
Wieħed mis-Salmi jgħid li fil-mument tal-ħelsien mill-Babilonja, il-poplu beda jaħseb li qed joħlom: ma setax jemmen. L-istess jiġri lilna meta niltaqgħu mal-Mulej fil-Kelma tiegħu, meta jgħaddi minn moħħna li qed noħolmu, li ma nistgħux nemmnu tant sbuħija.
Jalla l-Mulej, temm Franġisku, itina lkoll il-grazzja li niftħu qlubna għal-laqgħa mal-Kelma tiegħu u biex ma nibżgħux mill-ferħ, ma nibżgħux nagħmlu festa, il-festa tal-ferħ, dak il-ferħ li jiġi proprju minn dil-laqgħa mal-Kelma t’Alla.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.