Illum il-Knisja tfakkar lil San Anton Marija Claret


Fl-24 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil San Anton Marija Claret, Isqof li għex bejn is-snin 1807 sa 1870.

San Anton twieled f’Sallent, Spanja, fl-1807. Kien il-ħames wieħed minn ħdax-il wild. Missieru kellu fabbrika tal-insiġ, u Anton intefa’ jaħdem miegħu. Iżda beda jħoss li din ma kinetx il-vokazzjoni tiegħu. Xtaq isir saċerdot.

Fl-1835, ġie ordnat qassis meta kellu 28 sena. Sentejn wara nħatar Kappillan ta’ Sallent, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-prietki, u xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna. Jgħidu li kien iżomm il-kuruna tar-rużarju dejjem f’idejh.

Ftit snin wara ġietu l-ħajra jsir missjunarju, u mar Ruma biex jingħaqad mal-kongregazzjoni tat-Tixrid tal-Fidi. Hemm għamel irtir għand il-Ġiżwiti u billi ħaseb li jekk ikun Ġiżwita jkun iktar faċli għalih li jmur il-missjoni, daħal magħhom. Iżda sentejn wara kellu jħalli minħabba saħħtu, u mar lura lejn Spanja.

Meta kellu 42 sena, fl-1849, flimkien ma’ ħames saċerdoti oħra ta bidu għal Kongregazzjoni ġdida. Ħadu l-isem ta’ ”Ulied Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija,” iżda n-nies bdiet issibhom bħala l-laretjani.

San Anton sar l-ewwel Superjur tal-Ordni, iżda xahrejn biss wara ġie maħtur Arċisqof ta’ Santiago, f’Kuba.

F’Kuba ħadem bis-sħiħ biex itejjeb il-ħajja tan-nies tal-post speċjalment tal-ilsiera u biex jeqred il-konkubinaġġ. Dan qajjem l-għedewwa kontrih u bdew isiru attentati fuq ħajtu. Darba minnhom, ħelisha b’farrett kbir fuq wiċċu li baqa’ jidher ħajtu kollha. Ir-raġel li ried joqtlu nqabad, u ħeles mis-sentenza tal-mewt meta l-Arċisqof stess indaħal għalih.

Fl-1858, San Anton ġie msejjaħ biex jaħdem fi Spanja, u biex fl-istess waqt ikun il-Kappillan tar-Reġina Iżabella II.

Biċċa xogħol kbira li għamel kienet li waqqaf stamperija b’librerija Kattolika li bdiet tforni eluf ta’ kotba bi prezzijiet l-iktar baxxi biex isaħħaħ il-fidi tal-poplu Spanjol.

Fir-rivoluzzjoni Spanjola tal-1868, ir-Reġina Iżabella kellha taħrab lejn Pariġi. Il-Qaddis kellu jmur magħha.

Fl-1869, mar Ruma biex jgħin fit-tħejjija tal-Konċilju Vatikan I, u jieħu sehem fis-sezzjonijiet tiegħu.

Fil-Konċilju huwa kien difensur qawwi tal-Infallibiltà tal-Papa. F’waħda mis-sezzjonijiet ħassu ħażin, u minn dakinhar saħħtu baqgħet sejra lura.

Fl-1870, hu rritorna fi Franza fejn miet f’monasteru taċ-Ċisterċensi, qrib Norbonne, fl-24 ta’ Ottubru, 1870, fl-età ta’ 63 sena. Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fis-7 ta’ Mejju tas-Sena Mqaddsa tal-1950.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com