Il-Ġimgħa, 25 ta’ Ottubru 2019: Nitolbu d-dawl lill-Mulej biex nixtarru sewwa dak li jkun qed jiġri ġewwa fina. Il-Papa Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani.
Il-Papa rrifletta dwar it-taqbida li ma taqta’ xejn li l-Appostlu tal-Ġnus iħoss ġewwa fih: bejn ‘ix-xewqa li jagħmel it-tajjeb’ u n-nuqqas ta’ ħila li jagħmlu, il-gwerra sħiħa li għandu fih.
Xi ħadd jista’ jistaqsi, qal Franġisku, jekk meta qed jagħmel il-ħażin li ma jridx, San Pawl jinsabx ‘fl-infern’, jekk hux tellief, u madankollu jiftakar li dan hu qaddis għax il-qaddisin ukoll iħossu dil-gwerra ġewwa fihom. Hija liġi għal kulħadd, il-gwerra tal-ħajja ta’ kuljum.
Hi taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin; imma mhux tajjeb astratt u ħażen astratt iżda bejn it-tajjeb li jispirana nagħmlu l-Ispirtu s-Santu u l-ħażen li jridna nagħmlu l-ispirtu malinn. Hija taqbida. Hija t-taqbida tagħna lkoll. Jekk xi ħadd minna jgħid: Jien dan ma nħossux, jien beatu, ngħix kalm, fil-paċi, ma nħossx,… jien ngħidlu: Int m’intix beatu: int illuppjat, m’intix tifhem x’qed jiġri.
F’dit-taqbida ta’ kuljum, illum nirbħu waħda, u għada oħra u pitgħada oħra mill-ġdid, sat-tmiem.
Il-Papa ftakar ukoll fil-martri li kellhom jibqgħu jitqabdu sal-aħħar biex iżommu l-fidi. U ftakar ukoll fil-qaddisin bħal Tereża tal-Bambin Ġesù li kellha l-akbar taqbida proprju fl-aħħar waqtiet, fuq is-sodda tal-mewt, għax kienet tħoss li l-ispirtu malinn ried jifridha mill-Mulej.
Hemm waqtiet ta’ taqbid straordinarju, afferma Franġisku, imma hemm ukoll il-waqtiet ‘ordinarji’ ta’ kuljum. Il-Papa kkwota l-Evanġelju skont San Luqa li fih lill-folla ta’ żmienu Ġesù jgħidilha: ‘Tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?’
Bosta drabi aħna l-Insara medhijin b’ħafna affarijiet tajbin ukoll; imma x’qed jiġri ġewwa fik? Min qiegħed inebbħek? Liema hi t-tendenza spiritwali tiegħek? Min qed iġiegħlek tagħmel dak li qed tagħmel? Ħajjitna regolarment tixbah il-ħajja tat-triq: interrqu t-triq tal-ħajja… meta nimxu għal għonq it-triq tal-ħajja, inħarsu biss lejn dak li jinteressana; il-bqija mank inħarsu lejh.
It-taqbida, spjega l-Papa Franġisku, dejjem hi bejn il-grazzja u d-dnub, bejn il-Mulej li jrid isalvana u jeħlisna minn dit-tentazzjoni u l-ispirtu malinn li dejjem jaqtgħalna qalbna biex jegħlibna. Għalhekk il-Papa stedinna biex nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nies tat-triq ġejjin u sejrin bla ma nintebħu x’qed jiġri, jew jekk id-deċiżjonijiet tagħna humiex ġejjin mill-Mulej jew humiex immexxijin mill-egoiżmu tagħna, mix-xitan.
Importanti ħafna nifhmu dak li jkun qed jiġri fina u ma nħallux li ruħna tkun triq li minnha jgħaddi kulħadd. Kif nistgħu nagħmluh dan? Qabel ittemm il-ġurnata oqgħod żewġ jew tliet minuti aħseb dwar x’għadda minnek matul il-ġurnata: għert xi ftit, qassast fuq xi ħadd, għamilt att ta’ karità?
Min għenek tagħmel kemm l-affarijiet il-ħżiena u wkoll it-tajbin? Nagħmlu dawn il-mistoqsijiet biex nixtarru dak li jkun jiġri ġewwa fina. Kultant, bl-ispirtu seksieki li hemm ġo fina, ilkoll nafu x’qed jiġri fil-kwartier, fid-dar tal-ġirien, iżda ma nkunux nafu x’qed jiġri ġewwa fina.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.