Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ġertrude


Fis-16 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil Santa Ġertrude, Verġni li għexet bejn is-snin 1256 sa 1301.

Santa Ġertrude twieldet fl-1256, f’Eisleben, Ġermanja. Hi waħda mill-Mistiċi l-kbar tas-seklu tlettax.

Meta kellha ħames snin ġiet fdata f’idejn is-Sorijiet Benedittini, f’Helftne, fejn is-soru li kienet tieħu ħsiebha kienet Santa Mektilde.

It-tifla kienet intelliġenti u studjuża. Tgħallmet il-Latin u saret taf tiktbu b’ħeffa u b’eleganza.

Ipprofessat Soru fl-istess monasteru li kienet daħlet fih meta kienet għadha tifla ċkejkna.

Ta’ 26 sena kellha l-ewwel esperjenza tal-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet li baqa’ jkollha sakemm mietet, għoxrin sena wara, fis-16 ta’ Novembru, 1301.

Kellha mħabba kbira lejn Ġesù fl-Ewkaristija, u kienet waħda minn tal-bidu nett li bdiet ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Santissima ta’ Ġesù.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com