Il-Kunċizzjoni: sinjal tal-imħabba tagħna lejha, lejn Binha Ġesù u lejn il-proxxmu tagħna


Is-Sibt, 16 ta’ Novembru 2019: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-tifkira tal-75 sena anniversarju mindu l-istatwa tal-Kunċizzjoni ttieħdet lura Bormla wara t-Tieni Gwerra Dinjija fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid.

Capture

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Kienet għadha żgħażugħa, irżina u ħelwa meta dehrilha l-ħabbar tal-Mulej u qalilha l-pjan ta’ Alla fuqha. Din ix-xebba li l-ġenituri tagħha semmewha Marija, isem għażiż għall-poplu Lhudi għax kien ifakkarhom f’oħt Mosè, li kien jisimha Mirjam, Marija, din ix-xebba kienet għarusa ma’ raġel ġust jismu Ġużeppi u l-ħabbar jgħidilha li kellha ssir omm bil-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

“Kif ikun dan?” (Lq 1:34). “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). Hekk qalilha l-anġlu Gabrijel. Ismu jfisser il-qawwa ta’ Alla, Alla qawwi fl-opri u f’dak kollu li jaf. Imma ħabbrilha wkoll li l-Iben li kien se jitwildilha, li kien se jitnissel fil-ġuf safi tagħha, kellu jkun sultan. Waqt li qed ikellimha l-istess anġlu Gabrijel jgħidilha li t-tifel tagħha se jkun fuq it-tron ta’ David missieru u s-saltna tiegħu tibqa’ għal dejjem.

Kemm hi ħaġa sabiħa li l-aħħar biċċa minn dan il-pellegrinaġġ għażiż qed jibda minn hawnhekk, minn din il-knisja ddedikata lil Binha Sultan, Sultan qaddej bħalma hi wkoll għarrfet li kienet il-qaddejja tal-Mulej. “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Kemm hi ħaġa sabiħa li l-omm illum nimmaġinawha kif inhi fil-ġenna tħares u titpaxxa b’binha Ġesù u kemm hi ħaġa sabiħa lil Ġesù, is-sultan nimmaġinawh kif inhu fil-ġenna jħares u jitpaxxa bil-ġmiel u s-safa ta’ ommu.

Imma għalina dan xi jfisser? Xi jfisser, għeżież Bormliżi, li intom tilqgħu b’ferħ kbir fil-parroċċa arċipretali tagħkom ix-xbieha għażiża tal-Kunċizzjoni? Triduha lura? Ma naħsibx li kont qed nippretendi li xi ħadd jgħidli: ‘U le’. Naf kemm tħobbuha u kemm temozzjonaw ruħkom fil-kliem tan-novena meta tkantawlha dak l-innu sabiħ.

Imma xi tfisser li inti tkun tixtieq lill-Kunċizzjoni, l-Immakulata mnissla mingħajr tebgħa, terġa’ tiġi lura għandek? Xi tfisser? Ngħiduha fit-talba għażiża li tgħallimna miċ-ċokon “O Marija, imnissla mingħajr tebgħa, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, agħmel li aħna noħorġu minnha mingħajr ħtija”. Għax hi kellha dan il-privileġġ singulari li l-Mulej hu u jħares lejn il-merti ta’ Binha u bil-qawwa tagħhom, ħarisha minn kull dnub. Lilna ħelisna mid-dnub, lilha ħarisha, imma lilna ħelisna. Għax hi ma ġietx imtebbgħa bid-dnub, aħna mtebbgħin imma meħlusin bis-sagrament tal-Magħmudija u, meta jkollna bżonn, bis-sagrament tal-Qrar.

Intom u tilqgħu lura l-istatwa għażiża tal-Kunċizzjoni, itolbuh lil Alla jagħtikom il-grazzja tilqgħuha fil-qalb tagħkom, kif naf li hi, għax xhud ta’ kemm tħobbuha. Min jiltaqa’ mal-Madonna jiltaqa’ ma’ Binha; min iħobbha tassew, iħobb lil Binha. Jekk inti jkollok tkellem lill-Madonna u tgħidilha: ‘X’parir tagħtini, O Madonna, imnissla mingħajr tebgħa, x’parir tagħtini? Ftakar fil-kelmiet għeżież tagħha fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidlkom hu” (Ġw 2:5). Agħmlu dak li jgħidilkom Ibni! Dak il-parir tal-Madonna lil kull wieħed u waħda minna. Isimgħuha fil-qalb tagħkom din il-kelma għażiża tagħha hawnhekk f’dan it-tempju ddedikat lil Binha Sultan. “Agħmlu dak li jgħidilkom Ibni”. Għax hi, meta rat il-bżonn tagħna, meta rat il-bżonn tal-għarajjes ta’ Kana, qaltlu: “Ma baqgħalhomx inbid” […] “X’għandna x’naqsmu, mara?” (Ġw 2:4). “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”.

Ejjew nitolbu biex il-pellegrinaġġ li se jibda wara din il-quddiesa u li se jwassal ix-xbieha għażiża tal-Kunċizzjoni ġewwa d-dar tagħha f’Bormla, ikun sinjal mhux biss tal-imħabba tagħna imma wkoll tal-imħabba tagħna lejn Binha Ġesù u lejn il-proxxmu tagħna. Għax jekk nisimgħu l-leħen tiegħu kif qed tgħidilna l-Kunċizzjoni llum, x’nisimgħuh jgħid? “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. “Kont bil-għatx u sqejtuni, kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont barrani u lqajtuni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). “Meta, Mulej? Fejn?” “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minna mingħajr ħtija.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mal 3, 19-20a
Salm: 97 (98), 5-6.7-8.9a.9bċ
Qari II: 2 Tess 3, 7-12
Evanġelju: Lq 21, 5-19

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.