Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Ġust


L-Ewwel Ġimgħa – It-Tlieta

ĠUST – “Hu jirnexxi f’kulma jagħmel” – Salm 1:3

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

L-Iskrittura tgħidilna ħafna inqas dwar Ġużeppi milli tgħidilna dwar Marija. Madankollu, dak li tgħid l-Iskrittura hu sinifikanti. F’Mattew 1:19 naqraw: “Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust…”. Xi jkun raġel “ġust”? Għaliex hu sinifikanti?

Kif jikteb il-Papa Benedittu, “fit-Testment il-Qadim l-idea ta’ ħajja sħiħa li tingħax skont l-Iskrittura Mqaddsa tinġabar kollha fl-idea ta’ ‘bniedem ġust’”.[1] Biex nifhmu lil Ġużeppi bħala raġel “ġust” jeħtieġ nifhmu li dik tiegħu kienet “ħajja sħiħa li tingħax skont l-Iskrittura Mqaddsa”. Ġużeppi kien kollu kemm hu disponibbli għal Alla. Il-Papa jkompli: “Is-Salm 1 jippreżenta l-immaġni klassika tal-bniedem ‘ġust’. Faċilment nistgħu naraw fih kwadru tal-figura spiritwali ta’ San Ġużepp. Il-bniedem ġust, jgħidilna, huwa dak li jżomm kuntatt ħaj mal-kelma ta’ Alla… Hu bħal siġra, imħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma… In-nixxigħat tal-ilma, li minnhom jixrob, naturalment jirriferu għall-kelma ħajja ta’ Alla”.[2]

Għaliex Ġużeppi kien “ġust”? Għax dik tiegħu kienet “ħajja sħiħa li tingħax skont l-Iskrittura Mqaddsa”. Hu żamm “kuntatt ħaj mal-kelma ta’ Alla, u ‘jitgħaxxaq bil-liġi tal-Mulej’”.

Smajna x’jingħad: “Inti ssir dak li tiekol”. Ġisimna jsir dak li nixħtu ġo fih. Bl-istess mod, intellettwalment u spiritwalment, “inti ssir dak li ‘tiekol’”. Dak li nikkunsmaw ġo fina huwa dak li nsiru minn ġewwa. Ġużeppi kien ġust għax żamm dieta tajba tal-kelma ta’ Alla. Ixxennaq għall-qdusija; għalhekk, hu kellu l-fehma li “jikkonsma” l-qdusija. Ġużeppi żamm “kuntatt ħaj mal-kelma ta’ Alla”. Ipprova immaġina ftit il-mumenti moħbija fil-ħajja ta’ Ġużeppi. Kmieni filgħodu, qabel iqum kulħadd, Ġużeppi jsib il-ħin biex jimmedita l-kelma ta’ Alla. Matul il-ġurnata, huwa u jaħdem, Ġużeppi jaħseb fuq l-Iskrittura li jkun qara dakinhar kmieni filgħodu. Iktar tard matul il-ġurnata, meta jkun temm ix-xogħol tal-jum, flok “jitfi s-swiċċ” u “jintelaq” (kif nagħmlu quddiem it-televiżjoni jew l-internet), Ġużeppi jagħżel li jagħżel dak li jagħmlu bniedem b’saħħtu. Fi tmiem il-ġurnata, qabel jidħol jorqod, jagħżel l-Iskrittura bħala l-aħħar kelmiet li jżomm fi ħsiebu qabel jieħdu n-ngħas.

Kif inhi d-dieta spiritwali tiegħek? Fejn “tmur” meta ma tkunx xogħol u jkollok ħafna ħin fuq idejk? Fejn tmur meta ma jkollok xejn iżjed x’tagħmel? Immaġina kif kienet tkun ħajtek kieku kellek tgħix b’għeruqek iktar imniżżla f’Alla. Bl-eżempju tiegħu, Ġużeppi għallem lil Ġesù kif jagħżel li jagħżel lil Alla. Immaġina li kieku lilek għallmek l-istess. Kont tieħu gost b’dan? Jekk iva, tista’ titlobhulu dan?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bil-mod is-Salm 1. Aqrah iktar minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob bil-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni nikkalma u nħares fil-fond ta’ qalbi. Għinni ngħix fik.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

[1] Il-Papa Benedittu XVI, Ġesù ta’ Nazaret: Ir-Rakkonti tal-Infanzja, 39.

[2] Ibid.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.