Illum il-Knisja tfakkar lil San Franġisk Saverju


Fit-3 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Franġisk Saverju, Saċerdot li għex bejn is-snin 1506 sa 1552.

Dan il-qaddis jista’ jitqies bħala wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja, uħud iqabbluh mal-appostlu San Pawl. Minħabba f’hekk ġie maħtur Patrun tal-Missjonijiet. Bħall-missier spiritwali tiegħu Sant’Injazju minn Loyola, Franġisk kien Spanjol ta’ razza Baska. Kellu f’moħħu li jagħmel isem bħala studjuż magħruf u duttur tal-filosofija.

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April 1506. Fl-1524, daħal l-Universita’ ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ San Injazu ta’ Loyola.

Ta’ 28 sena ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju, wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi għal erba’ snin. Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ San Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ San Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534. San Injazju kien jgħidlu: “Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

Fl-1540, San Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja. Seba’ Ġiżwiti ntagħżlu għall-missjoni, iżda fl-aħħar minuta Franġisk kellu jieħu post wieħed minnhom li ma setax jagħmel il-vjaġġ. “Ix-xogħol f’idejk!”, qallu Injazju. Franġisk kellu jħalli Ruma għall-Portugall fi żmien 24 siegħa. Hu aċċetta bil-ferħ u beda jraqqa’ qalziet qadim u suttana biex jeħodhom miegħu. F’dan kollu wera faqar, sempliċità u tfittxija għar-rieda ta’ Alla fl-ubbidjenza u t-talb li kkaratterizzaw il-ħidma tiegħu fil-missjoni.

Fl-1541, maħtur bħala Nunzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja. Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542. Ħadem bla heda matul il-kosta tal-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani. Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini. Matul l-għaxar snin ta’ xogħol fil-missjonijiet hu vvjaġġa fil-biċċa l-kbira tal-Lvant imbiegħed bħala nunzju papali u superjur Ġiżwita. Hu ħalla warajh f’kull post li għadda knejjes jiffjorixxu, li diversi minnhom komplew sa żminijietna.

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun. Fil-15 ta’ Awwissu 1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jippriedka kif jista’. Dam sentejn fil-Ġappun. Għamel madwar 2000 Ġappuniż nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun. Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma Franġisk marad u miet bla ma laħaq irċieva s-sagramenti u mingħajr difna nisranija, waqt li kien fuq il-gżira ta’ Sancian, ħdejn Hong Kong, jistenna lil wieħed negozjant li wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-eta’ ta’ 46 sena.

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebut u sabu li ġismu kien għadu talekwale. Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes. U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’Injazju ta’ Loyola fl-1662 mill-Papa Girgor XV. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.