Fl-ewwel Ħadd tal-Avventi, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Insara biex ikomplu t-tradizzjoni sabiħa li jarmaw il-presepju fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel, fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet u fil-pjazez. Il-Papa għamel dan f’ittra bl-isem ta’ ‘Admirabile signum’, iffirmata fi Greccio, fejn kien sar l-ewwel presepju minn San Franġisk t’Assisi. Il-Papa qal li bis-sempliċità tal-ġest tiegħu, San Franġisk għamel biċċa xogħol kbira ta’ evanġelizzazzjoni li llum qed tkompli tmiss il-qlub tal-Insaa billi toffrilhom mod sempliċi kif jaraw is-sbuħija tal-fidi. Filwaqt li nnota l-immaġinazzjoni u l-kreattività fil-presepji, il-Papa fakkar kif aħna nitgħallmu mill-ġenituri u min-nanniet dwar din it-tradizzjoni ferrieħa, li hija għajn ta’ tjubija popolari. Il-Papa qal ukoll li l-foqra huma l-parti privileġġata tal-misteru tat-twelid tal-Iben t’Alla li twieled f’maxtura umli.
Rapport minn Joe Galea