Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Protettur


L-Ewwel Ġimgħa – L-Erbgħa

PROTETTUR – “Triqatek, Mulej, għarrafni; il-mogħdijiet tiegħek għallimni.” – Salm 25:4

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

“Alla għażel lil San Ġużepp bħala għarus tal-Verġni Marija biex ikun żgurat il-ħarsien ta’ Ġesù minn missier putattiv”,[1] bniedem ta’ virtù kbira. Ġużeppi ġie magħżul biex jipproteġi. Dan jurihulna ċar ħafna Mattew 2:13-14: “Deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: ‘Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu… għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu’. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu”.

F’wiċċ il-periklu Ġużeppi pproteġa lill-familja tiegħu. Imma, iktar tard naraw wiċċ ieħor tal-protezzjoni ta’ Ġużeppi – id-dixxerniment sod tiegħu: “Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: ‘Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel’. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael”. Issa araw ftit x’jiġri: “Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti: ‘Ikun imsejjaħ Nażri’” (Mt 2:19-23). Id-dixxerniment ta’ Ġużeppi ħadu f’Nazaret flok fil-periklu.

Ġużeppi pproteġa wkoll il-verġinità ta’ Marija b’qima kbira. Il-Papa Ġwanni Pawlu II jikteb: “Jekk Alla ta ’l Ġużeppi lil Marija fiż-żwieġ, ma tahx biss bħala sieħeb ta’ ħajjitha, xhud ta’ xbubitha, u difensur ta’ ġieħha”.[2] Waqt li għex għalkollox l-identità tiegħu bħala raġel miżżewweġ, Ġużeppi għażel li jħobb lil Marija fi ħdan il-milja tal-pjan ta’ Alla għaliha. Ġużeppi pproteġa l-verġnità ta’ Marija billi ħabbha kif riedu jagħmel Alla. Ġużeppi ħabb lil Marija skont kif kien jixraq lilha, u mhux lilu nnifsu.

Meta pproteġa l-verġinità ta’ Marija, fil-fatt Ġużeppi kien qed juri l-qawwa tiegħu. Il-qawwa mhux dejjem tinsab f’dak li tista’ tagħmel, imma spiss qiegħda f’dak li int tagħżel li ma tagħmilx. Il-qawwa vera ma tinsabx fil-ħila li “tagħmel kulma trid”, imma f’li xi drabi tagħżel li ma tagħmilx kulma trid. Il-qdusija hi mġarrba minn kemm il-persuna għandha ħila trażżan lilha nfisha għall-ġid tal-qdusija, għax jekk raġel ma jafx jgħid le, dan x’jgħid dwar l-iva tiegħu?

X’qed jgħidlek lilek il-fatt li Ġużeppi ma jqegħidx lilu nnifsu fiċ-ċentru? X’qed tgħidlek lilek l-għażla tiegħu li jgħix il-ħajja b’kejl differenti?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bil-mod is-Salm 25:1-10. Aqrah iktar minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob bil-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni biex ma ngħixx iktar għalija nnifsi, imma biex ngħix għalik u għall-oħrajn. Agħtini l-kuraġġ li nintelaq u ngħix għalik.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

[1] Redemptoris custos, 7.

[2] Ibid., 20.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.