Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Ubbidjenti


L-Ewwel Ġimgħa – Il-Ħamis

“Il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.” – Ġożwè 1:9

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Ġużeppi kien raġel ubbidjenti. F’Mattew 1:20 naqraw: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija”. Ħafna jgħidu li hu kien imbeżża’ għax ma kienx jaf x’seta’ jfisser li Marija nisslet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Forsi kien beżgħan għax fil-fatt fehem. Forsi l-biża’ tiegħu kien għax ma kienx iħossu denn. Ġużeppi jagħżel lil Alla, imqar quddiem il-biża’.

Huwa u jfissrilna l-ħarba lejn l-Eġittu, Mattew 2:14 jgħidilna: “Qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu”. Telaq billejl, jiġifieri telaq dritt. Alla qallu jiċċaqlaq minn fejn kien, u jiċċaqlaq issa. Ġużeppi obda. Ma qagħadx jiddibatti; ma qagħadx jistaqsi. Kif Ġużeppi fehem li kien Alla li qed ikellmu, l-unika tweġiba tiegħu kienet “iva”.

Gimgha 1 Avvent.JPGIl-kapitlu 2 ta’ Luqa wkoll jitkellem fuq l-ubbidjenza ta’ Ġużeppi. Iċ-ċensiment ma kienx fil-pjanijiet tiegħu, imma Ġużeppi obda. Kapitlu 2 jagħlaq bil-versi 40 u 52 li t-tnejn isemmu lil Nazaret bħala l-post fejn Ġesù tgħallem l-“għerf”. Il-kelma Griega sophia litteralment tfisser “il-ħila li wieħed jifhem u jaġixxi skont l-għerf”. Li timxi bl-għerf ifisser tkun ubbidjenti.

Ġużeppi jgħarbel ix-“xiex” biex jista’ jgħarbel il-“min”. Malli Ġużeppi għaraf il-leħen ta’ Alla, l-unika tweġiba tiegħu kienet “iva”. Huwa ubbidjenti lejn persuna, u mhux biss għal xi missjoni. Qed ngħixu fi żmien u f’kultura fejn l-ubbidjenza m’għadhiex meqjusa virtù. Niġu mgħallma biex “inkunu dak li nixtiequ” u “ngħixu kif irridu aħna”. Kemm drabi nisimgħu min jgħid: “Darba tgħix. Fittex dak kollu li jagħmlek ferħan”. Jekk irridu niskopru l-Avvent minn għajnejn Ġużeppi, jeħtieġ nifhmu l-ubbidjenza ta’ Ġużeppi lejn persuna – Alla. L-ubbidjenza ta’ Ġużeppi kienet tweġiba għal relazzjoni, u mhux għax ħassu li jrid iwettaq biċċa xogħol.

Immaġina għal mument wieħed li tant kont tafu lil Alla li ridt tkun ubbidjenti lejh l-istess kif kien Ġużeppi. Immaġina li smajt lil Alla jkellmek l-istess kif Ġużeppi sema’ lil Alla jkellmu. Li kieku kellek din it-tip ta’ relazzjoni ma’ Alla, ħajtek, iż-żwieġ tiegħek, il-familja tiegħek u l-virtù tiegħek kienu jkunu aħjar jew agħar? Issa huwa ż-żmien li tistaqsi dik il-mistoqsija. Xi trid? X’qed jgħidlek Alla?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bl-istorja tad-dħul tal-Poplu l-Magħżul fl-Art Imwiegħda. Ġużeppi kien jafha l-istorja mill-ktieb ta’ Ġożwè. Ibda billi taqra bil-mod Ġożwè 1:1-10. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni biex ma ngħixx iktar għalija nnifsi, imma biex ngħix għalik u għall-oħrajn. Nitolbok il-grazzja li nkun ubbidjenti lejk kif kien Ġużeppi.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.