Il-Ħamis, 5 ta’ Diċembru 2019: Il-Liturġija tal-lum hi għanja ta’ tifħir lis-solidità. Fl-Evanġelju skont San Mattew (7: 21, 24-27) Ġesù jagħmel paragun bejn il-bniedem għaqli u l-bniedem iblah: wieħed jibni l-pedamenti ta’ ħajtu fuq il-Mulej u daru fuq il-blat, l-ieħor ma jismax il-Kelma t’Alla u jgħix bl-apparenzi, jibni daru fuq xi ħaġa dgħajfa bħalma hu r-ramel.
Fl-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa talabna nirriflettu fuq l-għaqal u d-dgħufija, jiġifieri liema hu s-sies tat-tamiet tagħna, taċ-ċertezzi tagħna u ta’ ħajjitna, u sabiex nitolbu l-grazzja li nagħrfu niddixxernu fejn hemm il-blat u fejn hemm ir-ramel.
Il-Mulej huwa l-blat. Min jafda fil-Mulej dejjem jinsab fiż-żgur għax is-sisien tiegħu jinsabu fuq il-blat. Dak jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju. Ikellimna dwar ir-raġel għaqli li bena daru fuq il-blat, jiġifieri fuq il-fiduċja fil-Mulej, fuq affarijiet serji. Dil-fiduċja wkoll hi ħaġa nobbli għax is-sies ta’ din il-binja ta’ ħajjitna hi żgura, hi b’saħħitha.
Għalhekk, l-għaref huwa dak li jibni fuq il-blat u, bil-maqlub, l-iblah hu dak li jagħżel ir-ramel li jċedi, li jtir mar-riħ u x-xita. Il-ħajja tagħna ta’ kuljum tixbah lil dan: nibnu l-palazzi bla pedamenti sodi u għalhekk jiġġarrfu.
Meta l-pedamenti tiegħi jkunu hekk, meta ma jkunux sodi, tiġi t-tempesta – ilkoll kemm aħna jkollna t-tempesti f’ħajjitna, ibda mill-Papa sal-aħħar wieħed – u ma jkollniex ħila nirreżistu.
Ħafna jgħidu li jkunu jridu jibdlu ħajjithom u jaħsbu li dan ifisser li jagħmlu ftit make-up. Tibdel ħajtek ifisser li tibdel is-sisien ta’ ħajtek, jiġifieri li tibni fuq il-blata li hi Ġesù.
Ħafna jgħidu li jkunu jridu jirrestawraw il-binja, il-palazz, għax ikrah ħafna, u jkunu jixtiequ jsebbħuh xi ftit u anke jsaħħu l-pedamenti. Imma jekk biex jagħmlu dan jirrikorru għall-make-up, kollox ikun baqa’ l-istess, kollox jiġġarraf. Il-ħajja nisranija tiġġarraf meta tkun mibnija fuq l-apparenzi.
Ġesù biss hu l-pedament żgur; l-apparenzi ma jgħinu xejn. Dan jidher fil-konfessinarji. Huwa biss min jagħraf lilu nnifsu bħala midneb, dgħajjef, xewqan għas-salvazzjoni, li juri li ħajtu mibnija fuq il-blat, għax jemmen f’Ġesù u jarah bħala s-Salvatur tiegħu.
Jeħtieġ nikkonvertu u nduru lejn dak li ma jiġġarrafx, li ma jintemmx: hekk ġralu San Franġisk Borgia fl-1500, meta dan l-eks kavallier tal-palazz irjali, quddiem il-ġisem immermer tal-imperatriċi Isabella, fehem id-dgħufija tal-bniedem u kemm huma vanità l-ħwejjeġ tad-dinja. Għażel lill-Mulej u sar qaddis.
Ma nistgħux nibnu ħajjitna fuq l-affarijiet li jgħaddu, fuq l-apparenzi, nagħmlu tabirruħna li kollox miexi tajjeb. Immorru lejn il-blata, fejn hemm is-salvazzjoni tagħna. Hemmhekk inkunu lkoll hienja. Ilkoll.
F’dal-jum tal-Avvent, għalhekk, kull wieħed u waħda minna naħsbu ftit liema pedament irridu nagħtu lil ħajjitna, jekk hux fuq il-blat samm jew fuq ir-ramel, u nitolbu lill-Mulej biex nagħrfu niddixxernu.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber