Illum il-Knisja tfakkar lil San Saba


Fil-5 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Saba, Eremita li għex bejn is-snin 439 sa 532.

San Saba huwa wieħed mill-figuri kbar tal-monastiċiżmu tal-Lvant, Huwa twieled fil-Kappadoċja għall-ħabta tas-sena 439. Fi tfulitu ħarab minn taħt il-ħarsien ta’ zijuh u daħal f’monasteru f’Mutalaska, pajjiż twelidu, ħdejn Ċesarea, fit-Turkija.

Ta’ 18-il sena mar Ġerusalemm fejn kien taħt id-direzzjoni tar-raħeb San Ewtimju. Mar miegħu jgħix fid-deżert, qrib il-Baħar Mejjet, minn fejn hu ħa l-formazzjoni spiritwali tiegħu.

Wara l-mewt ta’ Ewtimju, Saba għażel li jidħol aktar ‘il ġewwa fid-deżert u mar jgħix ġewwa għar fi rdum. Hu waqqaf komunità ta’ dixxipli li nġabru madwaru f’Mar Saba. Din il-kolonja ta’ eremiti fi żmien qasir kellha 150 membru. F’din il-komunità tiegħu l-irħieb kienu jgħixu maqtugħin minn xulxin għal ħamest ijiem mill-ġimgħa jitolbu u jaħdmu xogħol manwali, u mbagħad jiltaqgħu s-Sibt u l-Ħadd flimkien biex jiċċelebraw l-Ewkaristija.

Il-patrijarka Elija ta’ Ġerusalemm talab lil Saba biex jaċċetta l-ordinazzjoni saċerdotali ħalli jkun jista’ jservi lill-komunità. Kien ordnat saċerdot fl-492 u kien ukoll maħtur arkimandrita tal-irħieb kollha tal-Palestina. Xejn ma kien ħafif dan ix-xogħol billi kien hemm bejniethom qasmiet kbar minħabba l-ereżija monofiżita mibdija minn Ewtike li kienet tiċħad in-natura umana ta’ Kristu.

Saba ddefenda bil-qawwa t-tagħlim taż-żewġ naturi fi Kristu kif kien definit fil-Konċilju ta’ Kalċedonja. Minħabba f’hekk il-qaddis ivjaġġa mal-Palestina biex jippriedka kontra l-ereżija u mar ukoll Kostantinopli biex jipprova jikkonvinċi lill-Imperatur Anastasju li kien miġbud lejn l-ereżija.

Darba Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti.

Xwejjaħ ta’ 90 sena mar għand l-Imperatur Ġustinjanu jinterċedi favur is-Samaritani ribelli u ġabilhom il-maħfra.

San Saba miet fil-5 ta’ Diċembru 532 ta’ 93 sena, ġa miqjum matul ħajtu bħala qaddis. L-għadam tiegħu nġarr f’Venezja iżda, fl-1965, il-Papa Pawlu VI bi ftehim mal-Patrijarka ta’ Venezja, ta dan il-fdal prezzjuż lill-Patrijarka Ortodoss Grieg ta’ Ġerusalemm li tah lill-komunità ta’ 15-il raħeb f’Mar Saba. San Saba hu miqjum bħala wieħed mill-fundaturi tal-monastiċiżmu tal-Lvant.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com