Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann Roberts


Fl-10 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Roberts, Saċerdot u Martri li għex bejn is-snin 1577 sa 1610.

Ġwanni Roberts kien minn Wales. Huwa ħalla Oxford biex jistudja l-liġi, sar Kattoliku f’Pariġi. Hu sar qassis fi Spanja u kien Benedittin tal-Kongregazzjoni ta’ Valladolid. Hu reġa’ lura lejn l-Ingilterra ta’ 26 sena. Ħames darbiet ġie arrestat matul is-seba’ snin li dam ħaj wara. Hu kien ta’ karattru ferrieħi u xi ftit ġelliedi wkoll. Ġwanni baqa’ magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu lejn dawk li ntlaqtu bl-epidemja ta’ Londra u għall-konverżjonijiet li għamel.

Ġwanni Roberts kien wieħed mill-fundaturi ewlenin tal-komunità oriġinali f’Douai, fi Franza, il-kulleġġ li kien iħejji żgħażagħ Ingliżi biex isiru saċerdoti u jmorru lura jaħdmu fl-Ingilterra waqt il-persekuzzjoni protestanta.

Hu ġie arrestat u ngħata s-sentenza tal-mewt. Lejlet mewtu, sinjura Spanjola xaħħmet lill-kalzrier u għamlet ċena kbira fil-ħabs li fiha ħadu sehem 20 ħabsi Kattoliku. Fr. Roberts ħaseb li ma kienx qed jedifika bil-ferħ kbir li kien qed juri. Iżda s-sinjura Spanjola qaltlu li kien qed jagħmel tajjeb għax b’hekk wera lil kulħadd b’liema ferħ u kuraġġ kien ser imut għal Kristu.

L-għada huwa ġie maqtul f’Tyburn flimkien ma’ qassis ieħor il-Beatu Tumas Somers. Kien nhar l-10 ta’ Diċembru, 1610, fl-età ta’ 35 sena. San Ġwann Roberts kien iddikjarat qaddis flimkien ma’ 39 martri oħra Ingliżi fl-1970 mill-Papa Pawlu VI.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com