Vanġelu (Mattew 11, 2 – 11): Ġwanni priġunier fil-fortizza Makeronte ta’ Erodi, li kienet fuq quċċata ta’ muntanja lil hinn mill-Baħar Mejjet. F’din il-fortizza kien hemm is-sala fejn żifnet Salome u talbet ras Ġwanni. Erodja riedet toqtol lil Ġwanni għax kien perikoluż u n-nies kienu jżommu miegħu meta jixliha li kienet qed tiddradixxi lil żewġha. Erodi jarresta lil Ġwanni kemm għax kien qed isir popolari wisq u kemm biex jipproteġih minn Erodja, u jżommu taħt għajnejh. Erodi kien joqgħod jisimgħu u kien jittrattah tajjeb. Kien iħalli d-dixxipli tiegħu jiġu jarawh. Dawn kienu jtarrfulu x’qed jgħid u x’qed jagħmel Ġesu.
Xi ftit jew wisq Ġwanni kien imdakkar mill-ideja antika tal-Messija, sa minn ċkunitu. Sema’ li Ġesu mhux talli ma jikkundannax lill-midinbin, imma li jmur jiekol magħhom. Kien ukoll ħabib tal-pubblikani. Mhux ta’ b’xejn li daħallu dubju fuq Ġesu. Barra minn hekk kien jaf Is. 61: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi …. nagħti l-ħelsien lill-ħabsin”. Meta se jiġi biex jeħles lili? Mela jibgħat lid-dixxipli jsaqsu ‘l Ġesu: “Int li kellek tiġi jew nistennew ieħor? Għaliex m’intix aħrax mal-midinbin? Dawn mhux għall-infern? Titkellem biss fuq l-imħabba u l-maħfra. Messija bħal dan qed jgħaġġeb lil kulħadd, u forsi mhux ġej mis-sema.” Il-kontra: Messija li ma jgħaġġibx mhux awtentiku.
Ġesu ma jirrabjax. Ma jgħidx lil Ġwanni: “Meta ġejt fil-Ġordan int għaraftni bħala l-Ħaruf t’Alla. Issa x’ġara?” Le. L-anqas ma jgħid hekk lilna meta jkollna xi dubji fuq il-Fidi. Dawn jgħinuna naħsbu, insaqsu, nitolbu parir, nitolbu iżjed. Bla dubji ta’ xejn fuq il-fidi, ikollna ċertezza assoluta. Din tista’ twassalna għall-fanatiżmu. Meta nkunu ċerti, aktarx ikun ifisser li qed ninterpretaw xi jfisser Messija skond il-fantasija u l-kriterji tagħna biss.
Ġesu jgħid lid-dixxipli: “Morru għidu lil Ġwanni dawn is-6 sinjali li juru li l-Messija wasal tabilħaqq. Fejn jasal il-Messija jinbidel kollox, jibda ordni ġdid mhux bir-raġunar biss imma bil-fatti. Aħna ltqajna mal-Messija u nbdilna bil-fatti, jew bil-paroli u r-raġunar biss?
- L-għomja – dawk li tilfu l-orjentament, jimxu mal-kurrent u ma jafux fejn se jispiċċaw. Meta jiltaqgħu mad-dawl ta’ Kristu jibdew jaraw biex jgħixu l-ħajja tal-fidi.
- It-torox – dawk li ma jisimgħu lil ħadd ħlief il-vuċi tal-egoiżmu u l-passjonijiet tagħhom. Kif jisimgħu u jaċċettaw il-vanġelu, jibdew il-mixja tal-ħajja awtentika.
- Iz-zopop – dawn imxekklin fil-mixja tal-ħajja b’ħafna skużi u nganni. Sa jidħku bihom infushom. Il-vanġelu jgħinhom jaqbdu t-triq it-tajba b’pass regolari.
- L-imġiddmin – dawk li jistħu minnhom infushom għax koroh. Il-ġdiem huwa simbolu tad-dnub. Il-midinbin kbar (qattiela, il-vjolenti, eċċ) iħarsu lejhom bl-ikrah, jiskartawhom u jobgħoduhom. Kif iħaddnu l-vanġelu ifiequ u tmurilhom il-kruha. Jibdew jiddu bil-ħajja l-ġdida tas-Saltna t’Alla.
- Il-mejtin – mhux tal-oqbra imma dawk li rrifjutaw il-Kelma t’Alla. La darba jilqgħuha f’qalbhom u f’moħħhom, jirxuxtaw.
- Il-fqar – dawk irrifjutati minn kulħadd, l-iskart tas-soċjeta. Dawn se jirċievu l-Aħbar it-Tajba – li Alla jħobbhom.
Aħna rridu nieħdu dawn is-sinjali bħala prova li s-Saltna t’Alla bdiet tassew u qiegħda f’nofsna. “Hienu hu min ma jitfixkilx imħabba fija.” Min jibqa’ bl-ideja antika ta’ Alla ġust, aħrax, vendikattiv, eċċ se jiskandalizza ruħu meta jara ‘l Alla jaħfer lil min qatel lil Ibnu, lill-ħalliel it-tajjeb, eċċ.
“IL-ĠUSTIZZJA T’ALLA HIJA ĦANINA. IL-ĦNIENA T’ALLA HIJA ĠUSTA.”
(Papa Franġisku – f’għeluq is-sena tal-Ħniena).
Qasba tixxejjer mar-riħ – dak li jġib ħafna skużi u jdur bħall-pinnur, p.e. “għax iż-żminijiet inbidlu” . Ċertu tagħlim ma jinbidel qatt.
REF: lachiesa.it / liturgia/ data /omelie/padrefernandoarmellini.