Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Umilta’


It-Tieni Ġimgħa – It-Tlieta

“L-għerf tiegħek tal-għaġeb, ma nwassalx għalih; għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.” – Salm 139:6

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Illum hu jum importanti. Għalhekk, bħala wieħed li miexi magħkom, nitlob għal ftit paċenzja u żmien. Nistedinkom biex illum tidħlu iktar fil-fond. Bla dubju, il-meditazzjoni tal-lum fuq Mattew 1:19 tibqa’ dik is-silta tal-Iskrittura li se tgħinna nifhmu l-fond fil-qalb ta’ Ġużeppi, waqt li ħa tisfida kif storikament nifhmu l-istorja tal-Avvent. Mattew 1:18-19 jaqra hekk: “Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies”.Għaliex Ġużeppi qatagħha “li jibgħatha bil-moħbi tan-nies”?

Din l-ispjega taf tgħinna:

It-tradizzjoni Kattolika tipproponi tliet interpretazzjonijiet biex tispjega għaliex Ġużeppi għamel il-ħsieb li jtemm l-għerusija tiegħu ma’ Marija.

  • It-Teorija tas-Suspett. Xi wħud iżommu li Ġużeppi ssuspetta f’Marija li għamlet adulterju meta sar jaf bit-tqala tagħha. Ġużeppi qatagħha li jfittex id-divorzju skont id-Dewteronomju 24:1-4 sakemm ġie anġlu li wrieh il-kawża mirakoluża tat-tnissil…
  • It-Teorija tal-Perplessità. Oħrajn iżommu li Ġużeppi ma setax jagħti tifsira għas-sitwazzjoni tat-tqala ta’ Marija. Id-divorzju deher bħala l-unika għażla tiegħu, imma ried jagħmel dan fil-kwiet, għax ma kienx lest iniżżilha li Marija kienet naqset mill-fedeltà lejh…
  • It-Teorija tar-Reverenza. Safrattant, hemm oħrajn li jżommu li Ġużeppi kien jaf bil-kawża mirakoluża tat-tqala ta’ Marija sa mill-bidu nett, jiġifieri kien ġie mgħarraf li t-tarbija kienet imnissla ‘mill-Ispirtu s-Santu’… Quddiem dan kollu, Ġużeppi qies ruħu mhux denn li jkun involut fil-ħidma tal-Mulej, u d-deċiżjoni tiegħu li jinfired bil-kwiet minn Marija kienet miżura diskreta biex iżomm moħbi l-misteru li kien hemm fiha. Issa l-anġlu jikkonferma dak li Ġużeppi kien diġà jaf u jħeġġu jwarrab għall-ġenb kull biża’ twajjeb li seta’ jbiegħdu mill-vokazzjoni tiegħu biex ikun il-missier legali tal-Messija… Ġużeppi huwa msejjaħ ġust minħabba fl-umiltà qawwija tiegħu u l-qima li kellu għall-opri tal-għaġeb ta’ Alla. Fost dawk li jħaddnu din il-veduta hemm San Bernard ta’ Clairvaux u San Tumas ta’ Aquino.

San Bernard ta’ Clairvaux u San Tumas ta’ Aquino jistednuna nqisu t-“Teorija Reverenzjali” msemmija hawn fuq. Forsi l-għażla ta’ Ġużeppi li “jibgħatha bil-moħbi” ma kinitx għax ma fehemx li t-tnissil f’Marija kien permezz tal-Ispirtu s-Santu, imma pjuttost għax hu fehem. Ejjew inqisu dan.

L-Arka tal-Patt tat-Testment il-Qadim kienet għamara qaddisa li Alla ħejja għall-Għaxar Kmandamenti (ara Eż 25:10-22). Kienet l-għamara qaddisa li fiha kien hemm il-kelmiet ta’ Alla. L-Arka tal-Patt kienet hekk qaddisa li f’2 Samwel naqraw kif Għużża miet ħesrem hekk kif mess l-arka għax hu stess kien imniġġes (ara 2 Sam 6:1-7). Mistagħġeb, ir-Re David esklama: “Kif jista’ jkun li l-arka tal-Mulej tidħol għandi?” (2 Sam 6:9).

Bħala raġel ġust, Ġużeppi żgur kien imkisser fil-veritajiet tat-Testment il-Qadim, u, għalhekk, Ġużeppi kien familjari mal-mewt ta’ Għużża. Iktar qaddisa mill-għamara tat-Testment il-Qadim li fiha kien hemm il-kelmiet ta’ Alla, Marija hija l-għamara l-ġdida li fiha hemm il-Kelma li saret laħam. Marija hija l-Arka l-Ġdida tal-Patt il-Ġdid, u aktarx dan Ġużeppi kien jafu. Forsi d-deċiżjoni ta’ Ġużeppi li jitlaqha, u li jagħmel dan bil-moħbi, kienet għax hu ħassu mhux denn ta’ barka bħal din fil-ħajja tiegħu. Forsi, Ġużeppi kien maħtuf minn umiltà kbira. Ġużeppi ħass li ma jistħoqqlux għax Ġużeppi kien bniedem ta’ umiltà qawwija.

San Bernard ta’ Clairvaux jiddefinixxi l-umiltà bħala “virtù li biha l-bniedem, għax jaf lilu nnifsu bħala dak li tassew hu, jitbaxxa”. Ġużeppi kien jaf sew lilu nnifsu. Min hu denn li jilqa’ f’daru l-Arka l-Ġdida tal-Patt il-Ġdid? Ħadd. Min hu biżżejjed qaddis biex jagħmilha ta’ missier għal Ġesù f’isem Alla l-Missier? Ħadd. Min hu denn li jirċievi lil Eva l-Ġdida fiż-żwieġ tiegħu stess? Ħadd. Ġużeppi kien jaf sew lilu nnifsu. Ma ppretendiex li jkun dak li ma kienx. Hija l-umiltà u l-qima ta’ Ġużeppi li twasslu għad-deċiżjoni tiegħu.

Aħna u nidħlu ’l ġewwa fil-qalb ta’ Ġużeppi, nistiednek “tħoss” dak li qed tħoss fil-qalb tiegħu. Fil-qalb ta’ Ġużeppi ma hemm l-ebda bżonn li jkun xi ħadd differenti minn dak li hu. Ma hemm l-ebda tħammim ta’ ansjetà. Ma joqgħodx iqabbel. Ma hux imħabbat bih innifsu. Il-vera umiltà hi li tkun taf min tassew int. Kif qsamna s-Sibt li għadda, Ġużeppi kien jaf min kien għax Ġużeppi kien jaf ta’ min kien. L-umiltà tfisser li tkun taf min int għax taf ta’ min int. Il-vera umiltà sserraħna mill-ġirja bla heda li fiha rridu bilfors infittxu li “nkunu” xi ħadd ieħor jew niggranfaw ma’ min darba konna. Int u “tħoss” il-qalb ta’ Ġużeppi, qed “tħossha” l-paċi? Ħafna minna nużaw wisq enerġija nippruvaw “inkunu” xi ħadd għall-oħrajn jew nippruvaw nibqgħu ggranfati mal-mod kif konna nidhru darba jew dak li konna kapaċi nagħmlu darba. Il-vera umiltà tfisser li tkun taf min int.

Il-qalb ta’ Ġużeppi tiddi bid-dawl fuq il-qalb tiegħek. U int? Min int? Iktar importanti minn hekk, ta’ min int?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda aqra bil-mod Salm 139:1-16. Aqrah iktar minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok illum il-grazzja li nagħmel esperjenza personali ta’ mħabbtek għalija. Għinni nifhem ir-realtà ta’ dak li jien billi nduq iżjed ta’ min jien.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?