Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Fiduċja


It-Tieni Ġimgħa – Il-Ħamis

“Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.” – Salm 37:5

“Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24).

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Il-kapitlu 1 ta’ Mattew ipinġilna stampa ta’ raġel ta’ qdusija kbira, mhux raġel li kellu bżonn min jikkonvinċih dwar il-biċċa tad-divorzju. Ġużeppi dlonk qagħad għal dak li qallu l-anġlu. Ma qagħadx jitlajja. Ma reġax ikkunsidra. Ma qagħadx isaqsi lilu nnifsu: “Dan x’ħa jfisser jekk jien ngħid ‘iva’”? Ġużeppi kien jaf min kien għax kien jaf ta’ min kien. Ġużeppi jafda f’Dak li kellmu.

Hemm differenza bejn nafdaw dak li persuna tgħidilna u nafdaw lill-persuna li qed tgħidhulna. Hemm differenza bejn nafdaw fil-pjan u nafdaw fil-leħen ta’ dak li jitkellem. Ġużeppi jaf lil Dak li qed jitkellem; Ġużepp jaf lil Alla. Ladarba f’moħħ Ġużeppi hu ċar min qed jitkellem, kulma jiġi wara huwa jilqgħu b’ubbidjenza. Ġużeppi jafda f’Alla, u dan hu biżżejjed.

Xi drabi, insibuha faċli meta Alla jitlobna nafdawh. F’dawk il-mumenti nħossuna li nistgħu nafdaw il-ħaġa hekk li dan jagħmilhielna faċli li nafdaw lil min qed jitlobhielna. Imma, f’okkażjonijiet oħra, jista’ jkun iktar diffiċli nafdaw lil Alla. Xi drabi dak li Alla jitlob minna jidher wisq. Jew inħossuna maqbuda fiċ-ċirkustanzi, u f’dawk il-mumenti nħossuna nitqabdu biex nistgħu nafdaw f’Alla.

Wieħed mill-aktar persuni leġġendarji li qatt iltqajt magħhom kien pilastru tal-komunità tal-Knisja Kattolika ta’ San Luqa f’Thibodaux. Charlie Mack, Alla jaħfirlu, kien bniedem ta’ għerf kbir, misjur mit-tbatija tal-ħajja. Charles darba qalli: “Il-ħajja iktar hi dwar lejn fejn qed tħares, milli dwar x’qed taffaċċja”. Dan hu l-għerf. Hu x’inhu dak li qed inħabbtu wiċċna miegħu fil-ħajja, jibqa’ essenzjali li nħarsu dejjem lejn il-Mulej li jħobbna. Charlie Mack kien jafu dan, u Ġużeppi kien jafu dan.

Fil-qalb tiegħu Ġużeppi jemmen tassew: “Jekk Alla qal li hekk ħa jagħmel, hekk ħa jiġri”. Imqar jekk ma jafx “kif”, Ġużeppi jafda fil-leħen ta’ Dak li kellmu.

Illum osserva l-ħeffa li biha Ġużeppi jafda fil-leħen ta’ Alla. Fejn f’ħajtek Alla qed jitolbok tafda fih? Qatt ħassejt l-istedina ta’ Alla biex timxi warajh, imma mbagħad toqgħod ittella’ u tniżżel minħabba f’dak li Alla talbek? Immaġina li kellek tisma’ l-leħen ta’ Alla kif semgħu Ġużeppi. Immaġina li kellek tafda f’Alla kif għamel Ġużeppi. Illum mill-ġdid Alla qed jistaqsik: Inti xi trid minnu?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda aqra bil-mod is-Salm 37:1-7. Aqrah iktar minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok illum il-grazzja li nagħmel esperjenza personali ta’ mħabbtek għalija. Għinni nafda fik minkejja dak li qed inħabbat wiċċi miegħu fil-ħajja.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?