Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Qabbel

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa – It-Tlieta

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; mnejn se tiġini l-għajnuna? L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.” – Salm 121:1-2

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Kif semmejna fl-introduzzjoni ta’ din il-ġimgħa, Iżrael kollu ġie affettwat miċ-ċensiment. Id-drawwiet Lhud kienu jitolbu minn kull familja li tmur tinkiteb fil-belt ta’ missirijietha. Għalhekk, Ġużeppi u Marija ma kinux l-uniċi nies f’pellegrinaġġ. Ejjew nimmaġinaw ix-xena. Kien hemm eluf mexjin lejn l-ibliet ta’ missirijiethom. Ġużeppi beda miexi bil-pass dovut lit-tqala ta’ Marija. Kienu mexjin ħafna iżjed bil-mod minn familji oħra li kien hemm fit-triq, u pellegrini eħfef minnhom fil-mixi li kienu qed jivvjaġġaw mit-tramuntana għal nofsinhar il-ħin kollu kienu qed jaqbżu lil Ġużeppi. Ma’ kull pass, Ġużeppi u Marija kienu jsellmu b’rispett lil min kien għaddej. Hekk kif kull familja li kienet tgħaddihom naqra naqra ma kinitx tibqa’ tidher iżjed, għajnejn Ġużeppi ma setgħux ma jinnotawx x’ġid kienu qed iġorru magħhom meta mqabbel mar-riserva fqira li kien fadallu hu. L-istess fil-każ ta’ dawk li kienu qed jivvjaġġaw min-nofsinhar għat-tramuntana. Dawn kienu ġejjin lejhom min-naħa l-oħra tat-triq. Ġużeppi seta’ jarahom resqin lejhom min-naħa l-oħra. Huwa u jaħseb f’moħħu kif ħa jsellmilhom, ma setax ma jinnotax x’kellhom huma meta mqabbel ma’ x’kellu hu.

Ma’ kull pass, kien hemm il-ħarsa naturali lejn il-pellegrini u dak li kellhom fuqhom. Kull ħarsa kienet tqanqal tqabbila ġdida, hekk kif Ġużeppi kien iħares lejn is-sitwazzjoni tiegħu fid-dawl tas-sitwazzjoni tagħhom. F’dawk il-mumenti meta t-tpespis ta’ dan it-tqabbil kien jiddisturba l-paċi f’qalb Ġużeppi, nistgħu nimmaġinaw lil Ġużeppi jdawwar ħarstu minn fuq it-triq għal fuq martu. Hemm, b’Marija taf sewwa x’kien għaddej fil-qalb ta’ Ġużeppi, kulma kellu bżonn jagħmel Ġużeppi kien li jilmaħ l-intensità f’għajnejha. F’dik il-ħemda, Marija kienet tiċċassa lejn Ġużeppi. Imbagħad, fis-skiet u b’ħarsa sempliċi lejn idejha jżiegħlu b’ġufha, għajnejn Marija kienu jgħidu dak kollu li Ġużeppi kellu bżonn jisma’. Seta’ kien veru li Ġużeppi ma kellux dak li kellhom oħrajn fil-pellegrinaġġi tagħhom, imma ħadd f’dawk it-toroq – jew ħadd fid-dinja jew fl-istorja tal-umanità – ma kellu dak li Ġużeppi kellu fil-pellegrinaġġ tiegħu. Meta tqabbel, Ġużeppi kellu l-aktar teżor prezzjuż fl-istorja kollha, u dan dlonk poġġa t-tqabbil kollu tiegħu f’perspettiva.

L-irġiel spiss jitqabdu mal-għadu tat-tqabbil. Ħafna rġiel huma ttentati jqabblu l-kompetenza tagħhom ta’ kemm kapaċi jipprovdu. Iqabblu lilhom infushom ma’ oħrajn, jiġġudikaw x’għandhom ma’ dak li għandhom oħrajn. Bla dubju, it-tentazzjoni li wieħed iqabbel qatt ma tikxef il-verità. Meta nqabblu, aħna nqabblu dak li fil-verità għandna ma’ dak li nassumu li għandu ħaddieħor.

Hawn eżempju. Immaġina raġel fittizju. Ejja nsejħulu “Adam”. Adam u l-familja tiegħu jidħlu l-knisja f’Ħadd partikulari. Kif ipoġġi f’postu, huwa “jisma’” s-skiet għall-ewwel darba minn meta ħareġ mill-knisja l-Ħadd ta’ qabel. F’dak is-skiet, l-imperfezzjonijiet kollha ta’ ħajtu joħorġu fid-dieher: uliedu jargumentaw fi triqthom lejn il-knisja, martu li tixtiequ jagħtihom eżempju spiritwali tajjeb, u t-tħammim tal-ansjetà dwar ix-xogħol tiegħu, fost l-oħrajn. Wara li jkun ilu xi żewġ minuti bilqiegħda fuq il-bank, tidħol familja oħra fil-knisja u tpoġġi fil-bank ta’ quddiemhom. Adam issa, bla ma jaf, jibda jqabbel is-sitwazzjoni tiegħu ma’ tagħhom. Kulma jara huma l-ħwejjeġ tagħhom mgħoddija, it-tislim rispettuż tagħhom, u ġmiel miżmum tajjeb. Aktar minn hekk, kif ir-raġel ta’ quddiemu jbaxxi rasu, Adam jibda jqabbel u jassumi li r-raġel ta’ quddiemu qed jitlob bla nkwiet ta’ xejn. Adam iqabbel is-sitwazzjoni tiegħu ma’ dik tal-familja ta’ quddiemu. Madankollu, it-tentazzjoni li nqabblu qatt ma tikxef il-verità. Adam m’għandu l-ebda idea li dak ta’ quddiemu, malli baxxa rasu, imtela bi ħsibijiet dwar uliedu li kienu qed jargumentaw fi triqthom lejn il-knisja, martu li tixtiequ bniedem aħjar, u t-tħammim tal-ansjetà dwar ix-xogħol tiegħu. Adam qabbel ħajtu ma’ dak li immaġina li kellu r-raġel l-ieħor. Bla dubju, kull min jagħmel hekk fl-aħħar mill-aħħar dejjem ħa joħroġ tellief.

Nistgħu nqabblu lilna nfusna ma’ nies oħra – jew, agħar minn hekk, ma’ dak li nippretendu minna nfusna jew inħossu li ħaddieħor jistenna minna. Speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena, nistgħu niġu ttentati li niġġudikaw dak li qed jirnexxielna nipprovdu skont ir-rigali u l-ġid materjali meta mqabbel ma’ dak li qed jipprovdu oħrajn. Nistgħu nqabblu fejn aħna fil-ħajja ma’ fejn ħsibna li ħa nkunu jew oħrajn jaħsbu li għandna nkunu. Nistgħu nqabblu dak li ġara ma’ dak li ma ġarax, u bil-maqlub. It-tqabbil hu għadu ikrah u jħajjarna nidħlu f’battalja li kull darba li niġġelduha aħna ddestinati li nitilfu.

Osserva kif “Adam” hu maqbud fih innifsu, iħares lejn innifsu. Osserva li meta nqabblu, jien u int ninqabdu fina nfusna, inħarsu biss lejna nfusna. Tiftakruh lill-ħabib tiegħi Charlie Mack? “Il-ħajja iktar hi dwar lejn fejn qed tħares, milli dwar x’qed taffaċċja”. Dan hu importanti iktar u iktar meta niġu biex inqabblu. Kollox jiddependi lejn fejn qed tħares. Meta nkunu nħabbtu wiċċna mat-tentazzjoni li nqabblu, importanti li nħarsu lejn il-Mulej biex jista’ jpoġġilna l-affarijiet f’perspettiva. Dan hu li għamel Ġużeppi. Dan hu li jista’ jgħallmek Ġużeppi.

Kif qed tqabbel int f’ħajtek? Meta tqabbel? Meta l-aktar li tħossok trid tqabbel? Speċifikament, f’dan iż-żmien tas-sena, kif jidher għalik u kif tħossok meta tqabbel?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bil-mod Salm 121. Aqrah iżjed minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok tgħinni nafda fik. Għinni nafdak b’kollox. Għinni nafda li int qed taħdem tassew fil-ħajja tiegħi.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: