Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Ordinarju


It-Tielet Ġimgħa – Is-Sibt

“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla.” – Salm 46:12

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Fil-mixja tagħhom lejn Betlehem, il-biċċa l-kbira tal-ġurnata ta’ Ġużeppi u Marija kienet pjuttost ordinarja. Il-vjaġġ kien mimli b’esperjenzi ordinarji: konverżazzjoni ordinarja, skiet ordinarju, uġigħ ordinarju. L-irġiel spiss iħarsu lejn l-ordinarju b’lenti interjuri differenti. Waqt li nevitaw sterjotipi li ma nixtiqux nagħmlu, l-ordinarju għal ħafna rġiel hu ekwivalenti għal dak li hemm bżonn jagħmlu biex jipprovdu: xogħol, rutina, attività. Għal ħafna rġiel, l-ordinarju jista’ jġib għeja u jnixxifhom. Forsi għalhekk ħafna rġiel iħobbu jfittxu logħob fi tmiem il-ġimgħa, jattendu għal attivitajiet ta’ sport, jew iqattgħu l-ħin barra.

Ġużeppi għandu ħafna x’jgħallmu lir-raġel modern dwar l-ordinarju. Ġużeppi kien jgħix ma’ Alla u f’Alla. Il-komunjoni tiegħu ma’ Alla żammitu milli jisfa lsir tat-tentazzjoni tal-awtosuffiċjenza. Ġużeppi fl-ordinarju sab lil Alla. Għalhekk, ma kien iħoss l-ebda ħtieġa li jesaġera jew jaħrab l-ordinarju għax, wara kollox, minn xiex kien ikun qed ifittex li jaħrab?

Ħafna mill-ħajja hi ordinarja. L-attitudni tagħna lejn l-ordinarju faċilment nifhmuha preċiżament f’dan iż-żmien tas-sena. Hemm tant affarijiet differenti f’Diċembru. Id-djar tagħna huma mżejna bid-dwal u l-girlandi. L-imwejjed tagħna huma mogħnija b’ħafna iktar ikel milli stajna nieklu waħidna. L-infiq tagħna jogħla bil-kbir u jaqbeż il-baġit tagħna għall-bqija tas-sena. Xejn minn dan kollu ma hu tajjeb jew ħażin fih u minnu nnifsu. Sempliċiment hu.

F’xi żmien mhux fil-bogħod eventwalment se naqbdu u nżarmaw is-Siġra tal-Milied, id-dwal, u t-tiżjin. Is-salotti tagħna jerġgħu lura għal kif kienu qabel. Ir-rigali jinfetħu, u r-relazzjonijiet tagħna jerġgħu lura għal kif kienu qabel ma ġew minfuħa artifiċjalment minħabba l-emozzjoni tal-qsim tar-rigali. Il-ħajja ma ddumx ma terġa’ għan-normal. Jekk ma nkunux attenti, nafu ma nilmħux l-istraordinarju minħabba fl-istraordinarju. Fi ftit jiem oħra, l-aktar ġrajja straordinarja fl-istorja tal-umanità se tkun quddiemna.

Nafu niġu ttentati biex nitħassbu b’mod xejn ordinarju minħabba fl-affarijiet esterni straordinarji tal-istaġun sekulari tal-Milied; preokkupazzjoni mkebbsa minn xenqa biex naħarbu mill-ordinarju. Imbagħad, inqumu filgħodu tal-25 ta’ Diċembru, u t-twelid ta’ Ġesù nħossuh tant ordinarju u kważi ma fih xejn ta’ interess fih. Madankollu, jekk nieħdu deċiżjoni issa li naħsbu f’min ġej, allura nistgħu neqfulha lit-tentazzjoni li nitilfu l-mira tagħna. Forsi, nistgħu nqumu nhar il-25 ta’ Diċembru, konxji ħafna mir-realtà tal-ordinarju tagħna, u minħabba f’min hu magħna, it-twelid ta’ Ġesù jista’ jibdel l-ordinarju tagħna għal ħafna aktar.

Tridu lil Alla jibdel l-ordinarju tiegħek? X’tixtieq għall-Milied? X’tixtieq tassew għall-Milied?

Għat-talb tiegħek

Ejjew nagħlqu kif bdejna. Immorru lura għas-Salm 46, speċjalment vers 10. Aqrah iżjed minn darba. Qis dak kollu li ġara f’ħajtek mill-ewwel darba li tlabt b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex dan il-Milied tagħmlu l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni nnaqqas il-pass ta’ ħajti, inħaddan is-skiet, u nsibek ġo fija, ninsab fejn ninsab bħalissa.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?