Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Ċkejken


Ir-Raba’ Ġimgħa – L-Ewwel Meditazzjoni

“Alla għażel il-mistmerra mid-dinja.” – 1 Korintin 1:28

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Fiż-żmien ta’ dan il-pellegrinaġġ, Betlehem tal-qedem kienet iktar minn tlitt elef pied ’il fuq mil-livell tal-ilma baħar. Ġerusalemm kienet 3,800 pied ’il fuq, u għalhekk l-inżul fil-widien madwar il-belt kien ifisser li l-vjaġġ lejn Betlehem kien jitlob tlugħ ieħor mill-ġdid lejn il-meded muntanjużi tan-nofsinhar ta’ Iżrael. Immaġina għal waqt wieħed dak kollu li kien għaddej minn ġo qalb Ġużeppi huwa u jistrieħ, u jixħet ħarstu lejn Betlehem mifruxa dritt quddiemu. Fuq għaxart ijiem mill-bidu tal-vjaġġ, hu kien għajjien. Forsi l-għeja tiegħu kienet ġejja minħabba l-mili ta’ mixi u għax il-ħin kollu ried jara Marija x’kellha bżonn. Forsi l-għeja tiegħu kienet minħabba l-enerġija li ħela minn ġewwa. Ġużeppi kien jaf li l-ħlas ta’ Marija kien fil-qrib… fil-qrib tassew. Il-qawwa tal-interċessjoni u d-dipendenza fuq Alla kienu grazzja li ġarret lil Ġużeppi, imma l-ammont ta’ attività spiritwali wkoll ħalla l-marka tiegħu fuq il-ġisem tiegħu. Ġużeppi waqaf u ħares lejn Betlehem, u ħassu għajjien.

Issa idħol int ukoll fix-xena, bħallikieku kienet fil-mument ta’ issa. Immaġina lil Ġużeppi jieħu nifs wieħed tal-aħħar qabel hu u Marija jibdew telgħin il-muntanja. Huwa u jonfoħ, iħares lura lejn Marija u għajnejhom jissammru f’ta’ xulxin f’komunjoni. Għajnejha… il-ġmiel tagħha… l-imħabba safja u fidla tagħha… dan hu dak kollu li Ġużeppi jibla’ man-nifs tiegħu ’l ġewwa. Hemm iktar milli sempliċi arja ġo fih. Hi l-imħabba lejha, u l-imħabba għat-tarbija fil-ġuf tagħha, li treġġa’ lura ħarstu lejn il-muntanja. Immaġina kemm qed iħossu ċkejken Ġużeppi bħalissa. Min hu biex Alla jagħżel lilu? Min hu biex Marija tagħżel lilu? Min hu biex qed imexxi lilhom meta hu jħoss li huma messhom imexxu lilu? B’ħarstu ’l fuq lejn il-muntanja, id-dmugħ iġelben minn ma’ għajnejh. Kif imidd pass deċiż wara l-ieħor, il-pressjoni fuq saqajh muġugħa iktar iġġagħlu jħossu ċkejken. It-triq li twasslu lejn Betlehem jafha, imma jibda jammetti miegħu nnifsu li ma jafx fejn ħa jaqbad imur meta jasal hemm. Ftit piedi wara li jmidd l-ewwel pass tiegħu ’l quddiem, jieqaf fis-skiet. Iħossu hekk ċkejken.

Issa, immaġina: Marija tlissen ismu minn taħt l-ilsien: “Ġużeppi”. Idur lejha. Għajnejhom jiltaqgħu mill-ġdid. Hi titbissem. Hu jitbissem u jħares lura lejn il-muntanja. Pass pass kull darba, imexxi lill-familja tiegħu, minkejja l-għeja li qed iħoss, ’il fuq fil-mogħdija kollha ġebel. Kulma kellu bżonn kien il-ħarsa tagħha. Kulma kellu bżonn kien leħinha. Hi mħabbtu għaliha li tagħtih il-kuraġġ meta jħossu ċkejken.

Għat-talb tiegħek

Fittex ftit tal-ħin waħdek illum. Sib xi mkien fil-kwiet. Ikkalma naqra. Qiegħed qalbek fil-kwiet. Agħlaq għajnejk u itlob lill-Ispirtu s-Santu jnebbħek u jmexxik int u titlob. Immaġina lil Ġużeppi, il-muntanja, u l-għeja tiegħu. Immaġinah iwaqqaf in-nifs tiegħu għal ftit, iħares ċass lejn Marija, u jħossu ċkejken. Ipprova ġib quddiem għajnejk ix-xena. Kun fix-xena. Kun ma’ Ġużeppi bħallikieku l-ħaġa qed isseħħ issa, fil-mument preżenti.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?