Il-mistoqsija oħt il-għerf


Omelija minn Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fil-Festa ta’ Santa Luċija fil-Knisja ta’ Santa Luċija, Santa Luċija, Għawdex. Il-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2019.

Insib interessanti ħafna li minkejja li, fi kliem Ġesù, fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minnu (Mt 11:11), Ġwanni l-Battista jibgħat jistaqsi lil Ġesù jekk hu kienx dak li kellu jiġi jew kellhomx jistennew lil xi ħadd ieħor. Fi kliem ieħor, Ġwanni jidħol fi kriżi u jistaqsi jekk Ġesù kienx dak li għalih huwa kien iddedika ħajtu u li minħabba fih kien fil-ħabs. Mhix ċajta li l-Għammiedi jkollu dawn il-mumenti ta’ dlam u bħal jibda jiddubita jekk kienx ħela ħajtu.

Jien konvint li int u jien ma rridux ħafna kliem biex nifhmu x’kien għaddej minn moħħ u qalb dan il-profeta. Għax id-dubji huma parti mill-għaġna umana. Forsi aħna ma għandniex il-kuraġġ li kellu l-Għammiedi biex nesprimu dawn il-beżgħat u l-inċertezzi tagħna. Xi drabi għallmuna li l-fidi u d-dubju ma joqogħdux flimkien. Jekk jidħol xi fellus f’rasna dwar materja li għandha x’taqsam mal-kredu tagħna, dan ikun ifisser li aħna Nsara mxellfin. Imma d-dubju għandu l-aspett pożittiv tiegħu anki fil-ħajja spiritwali; anzi, jien ninkwieta mhux meta nisma’ lil xi ħadd jgħid li għandu d-dubju f’materja ta’ fidi, imma għall-kuntrarju meta n-Nisrani jkun tant ċert minnu nnifsu li ma jħossx il-ħtieġa li jistaqsi. Nippreferi lil min dejjem huwa kritiku minn dak li qatt ma jagħmel mistoqsija. Darba l-Kardinal Martini qal li huwa importanti li nitgħallmu “ninkwetaw”: min jemmen irid jitħasseb għax jemmen u min ma jemminx għandu jitħasseb għax ma jemminx. Kull min jemmen huwa espost għar-riskju li ma jemminx, kif kull min huwa bla twemmin iġorr fih iż-żerriegħa tal-fidi: is-sigriet huwa li wieħed ikun miftuħ li jirrifletti fuq il-mistoqsijiet li jqumu fih. Min ma jistaqsix, ma jikbirx lanqas fil-fidi.

Għalhekk id-dubji huma rigal ta’ Alla: għax jistgħu jkunu bħal molla li tisparana ’l fuq. Id-dubju qisu berrina li biha wieħed ifannad fil-fond. Forsi din hija r-raġuni għaliex ġensna mhux daqshekk profond fit-twemmin tiegħu. Intenni li dan jista’ jkun tort tagħna l-presbiteri għax nibżgħu li ħaddieħor iqanqal mistoqsijiet li jistgħu jikkawżaw skoss kbir anki lilna! Għalhekk nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja li niddubitaw, għax id-dubji huma stimolu biex nikbru fil-fiduċja fih. Fil-fatt, il-fidi hija t-tweġiba li l-bniedem jagħti quddiem l-inċertezzi tiegħu.

Snin ilu, meta kien għadu Isqof ta’ Milan, il-Kardinal Martini waqqaf dik li sejħilha “l-katedra ta’ dawk li ma jemmnux”. Fuq din il-katedra huwa stieden nies li ma jemmnux għax mifluġin bid-dubji imma fl-istess waqt huma nies li qegħdin jistaqsu. Esperjenzi bħal dawn għandhom iċaqalquna biex aħna wkoll nistinkaw biex niċċaraw il-veritajiet tagħna; barra minn hekk, ġieli jiġri li dawk li qed ifittxu jistgħu jgħinuna niskopru aspetti mill-misteru li sal-lum għadna ma għarafnihomx. Għalhekk meta niltaqgħu ma’ min hu xkora dubji ma għandniex niskartawh jew niskomunikawh, imma nisimgħuh, għax forsi l-istess mistoqsija li qed jagħmel tkun iċ-ċavetta li biha niftħu tieqa oħra fuq aspetti li sal-lum għadhom moħbija. Wieħed li dejjem jistaqsi dwar kollox u mhux lakemm ikun kuntent bit-tweġibiet li nagħtuh, mhux bilfors huwa mażun; anzi, jista’ jkun li jkun qed jara aktar milli qed naraw aħna. Ma nifgawx id-dubji!

Dak li nebbaħ lill-Kardinal Martini jwaqqaf din il-katedra kienet esperjenza li huwa għamel fil-ħabs fejn iltaqa’ ma’ priġunieri li kellhom ħafna mistoqsijiet dwarhom infushom, dwar is-soċjetà u dwar Alla. Anki l-Għammiedi kien fil-ħabs meta qajjem il-mistoqsijiet dwar Ġesù! U l-istess jiġri lilna: meta nsibu ruħna fil-ħabs tal-ħajja (fil-mard, f’xi kriżi, meta nieħdu xi manjata, waqt problemi tal-familja u l-bqija) spiss naraw iċ-ċertezzi tagħna jixxenglu u jibdew ġejjin id-dubji. Imma l-mistoqsija tagħmilna ħielsa, għax meta nistaqsu, jiċċarrat il-velu li jaħbi l-verità, u l-verità tagħmlina ħielsa. Verament il-mistoqsija hija oħt il-għerf!

Imma liema hi l-verità li teħlisna? Meta l-Għammiedi kien dubjuż, Ġesù ma qagħadx jipprietkalu, imma qal lid-dixxipli: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: il-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:4-5). Fi kliem ieħor, Ġesù bagħathom jgħidu lil Ġwanni li kienu “raw” l-imħabba ta’ Alla tilħaq lill-bniedem, partikularment lil min hu mgħattan. Il-veritajiet huma importanti, imma dak li jdewweb id-dubji dwar Alla hija l-imħabba tiegħu li dehret fi Kristu. Din hija lezzjoni importanti għalina, għax ħafna drabi aħna nwieġbu għad-dubji tal-oħrajn b’ħafna raġunamenti teoloġiċi, mentri l-imħabba Nisranija, li tkun rifless tal-imħabba ta’ Alla, tista’ ġġib fix-xejn id-dubji dwar Alla. Id-dubji ma jiġux imxejna bit-tpaċpiċ imma bil-karità fattiva.

Bħal Ġwanni l-Għammiedi, Santa Luċija seta’ wkoll kellha d-dubji tagħha. Għaddiet minn mumenti tqal ħafna, bħal meta ommha Ewtekja mardet serjament u meta dak il-ġuvni li ried jiżżewwiġha, imma hi ma aċċettatx, iddenunzjaha lil Paskasju li mbagħad għaddieha minn martirju. Ma nistagħġibx li f’mumenti ibsin bħal dawn Luċija tistaqsi fejn kien Alla u tkun ittentata taħseb li kienet żbaljat it-triq! Nistħajjilha tistaqsi lilha nfisha jekk kinitx ħliet ħajjitha! Dak li ngħaddu minnu jien u int għaddiet minnu Luċija. Imma jien konvint li dawn id-dubji Luċija għelbithom meta messet b’idejha l-imħabba ta’ Alla – meta ntebħet li l-Mulej Ġesù huwa qrib tal-bniedem. Huwa dan id-dawl (lux) li jixgħel mhux tant il-moħħ imma l-qalb tal-bniedem.

Fuq l-għatba tal-bieb tagħna diġà jinsab il-Milied, ġrajja li tikxef il-qalb kbira ta’ Alla – Alla tant ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Filwaqt li nikkontemplaw din l-imħabba, nitolbu lil Alla jagħtina d-don tad-dubju, għax hekk biss nistgħu niċċaqilqu minn ċerti ċertezzi reliġjużi li għandna (uħud minnhom tajbin, oħrajn ħżiena!).

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.