Illum il-Knisja tfakkar lil San Charbel Makhlouf


Fil-25 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Charbel Makhlouf, Saċerdot li għex bejn is-snin 1828 sa 1898.

Dan il-qaddis eremit modern twieled fit-8 ta’ Mejju 1828 f’Biqa-Kafra, fuq il-muntanji għoljin fit-tramuntana tal-Lebanon. Kien jismu Ġużeppi u kien l-aħħar iben minn ħamsa ta’ familja maronita ta’ bdiewa foqra ħafna iżda reliġjużi għall-aħħar. Tilef lil missieru żgħir u beda jieħu ħsiebu zijuh.

Minn tfulitu wera ġibda qawwija għat-talb u għas-solitudni u meta għalaq it-23 sena, huwa ħalla d-dar minkejja d-dispjaċir ta’ niesu biex imur jgħix fil-monasteru ta’ San Maroun f’Annaya. Meta ġie aċċettat fin-novizzjat, tawh l-isem ta’ Charbel għal wieħed martri tal-ewwel sekli.

Wara li tgħallem sewwa t-teoloġija fis-seminarji tal-ordni tiegħu, Charbel kien ordnat saċerdot fit-23 ta’ Lulju 1859 ta’ 31 sena, u kien assenjat il-monasteru ta’ San Maroun, fejn għadda 16-il sena jitħarreġ fil-virtujiet monastiċi. Huwa kien iservi bil-qalb lill-oħrajn tant li ħadd ma kien jaf x’jippreferi, ħlief affarijiet bħas-solitudni, tgħakkis u ubbidjenza.

In-nies kienu jmorru għandu b’kunfidenza kbira. Fl-1875 kiseb il-permess tas-superjuri tiegħu li jirtira fl-eremitaġġ ta’ San Pietru u San Pawl mhux wisq ‘il bogħod mill-monasteru. Dan kien jintuża mill-irħieb biex jgħaddu xi jiem ta’ rtir fil-kwiet. F’dan il-monasteru-eremitaġġ hu għadda l-bqija tat-23 sena ta’ ħajtu jitħarreġ f’ħajja ta’ tgħakkis aħrax.

Sħabu jgħidu li hu kien jilbes iċ-ċilizzji (hair-shirt), jsawwat ‘il ġismu, jorqod għall-qiegħa tal-art, u jiekol darba biss kuljum mill-fdal li kienu jħallu sħabu. Kellu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u preferenza li jqaddes kuljum fil-11.00a.m. biex ikun jista’ jgħaddi kważi l-għodwa kollha bi tħejjija u l-bqija tal-ġurnata f’ringrazzjament.

Jum wieħed, wara li kien tqarben bid-demm prezzjuż fil-quddiesa, Charbel tah attakk għal għarrieda, ittieħed fiċ-ċella tiegħu, fejn miet tmint ijiem wara, lejlet il-Milied fl-24 ta’ Diċembru 1898. Kellu 70 sena. Difnuh fiċ-ċimiterju tal-monasteru fejn ħafna rħieb qaddisa oħra kienu ndifnu qablu. Skont id-drawwa tal-monasteru, ġismu, li ma kienx ibbalzmat, ġie mlibbes l-abiti sħaħ tal-ordni u mqiegħed bla tebut fil-qabar.

Aktarx li kien jintesa li kieku ma kienx għall-fenomenu li seħħ fuq qabru meta dawl straordinarju dawwar il-qabar tiegħu għal 45 lejl li ġew wara d-difna. Minħabba f’dan il-prodiġju, l-awtoritajiet tal-monasteru, bil-permess tal-awtoritajiet ekklesjastiċi, ħasbu biex jaqalgħu l-qabar. Dan seħħ erba’ xhur wara mewtu. Il-qabar infetaħ quddiem għadd kbir ta’ nies ta’ kull xorta, u nstab li ġismu baqa’ f’kundizzjoni perfetta, minkejja x-xita li kemm-il darba għarrqet iċ-ċimiterju tal-monasteru minn mindu kien midfun. Il-ġisem instab jgħum fil-wiċċ fuq it-tajn f’qabar mimli ilma.

Wara li l-ġisem ġie mnaddaf, u mlibbes mill-ġdid, tqiegħed f’tebut tal-injam u mqiegħed f’rokna fil-kappella privata tal-monasteru. Għeġubijiet oħra baqgħu jsiru anki wara din l-eżumazzjoni, fost dawn ħafna fejqan ukoll.

Huwa ġie bbeatifikat mill-Beatu Papa Pawlu VI fil-5 ta’ Diċembru 1965, u ddikjarat qaddis mill-istess Papa fid-9 ta’ Ottubru 1977.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.