Issa li ġej il-Milied …


Armati l-vettrini. Jixgħelu d-djar. Idawlu triqatna. Kemm tal-irħula u anki tal-ibliet. Kulfejn tħares presepji, bambini u siġar. U, fuq kollox, it-tinsels!

Kemm ileqqu dawn l-għamliet ta’ dekorazzjonjiet! U, tant kemm jarmu dawl minnhom li donnhom jgħammxu wkoll l-għajnejn! Imma l-Milied ħbieb mhijiex le l-festa tal-għammix tal-għajnejn. U lanqas m’hi l-festa ta’ min hu b’saħħtu. Li, bil-ġlied u bil-gwerer, jaf iwassal twemminu. Jew anki xi tip ta’ twemmin li vvinta hu. Minn żniedu!

Le ħbieb! Il-Milied jiċċelebra l-qawwa tal-vulnerabilità. Tad-dgħjufija. Ta’ dak Alla li jista’ kollox li daħal fl-istorja tagħna. Tiegħi u tiegħek! Il-Milied hu l-istorja ta’ l-Alla tal-profeti u l-‘profeti’. Hu l’Alla veru. L’Alla li jdawwal kull bniedem huwa u ġej fid-dinja (Ġw 1:9). Il-Milied hu l-festa li dan Alla hu viċin tagħna. Għax sar bħali! U bħalek! Sar wieħed minna! Issa jaf x’inħossu! U jaf x’inhu t-toqol li qed itaqqalgħna. Inkella, li kieku baqa’ msakkar hemm fuq, li kieku baqa’ jħares lejna mill-għoli, li kieku baqa’ jgħammar fil-palazz irjali tiegħu tas-sema, kif qatt u b’liema raġuni jista’ jgħidilna: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif (Mt 11:28-30)?

Għax x’inhu l-madmad tiegħu li hu tant ħelu? Fejn qiegħdha l-ħlewwa ta’ dan il-madmad? U lejn liema ħlewwa l-ħlewwa tal-madmad tiegħu qed toħodna? Il-madmad tiegħu hu ħelu l-għaliex Hu ħa fuqu n-niket tagħna. Kif jgħidilna Iżaija l-profeta:

Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-
Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu. Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortieh? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin,minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub. U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq. Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel
u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’
bit-tagħrif tiegħu. Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu (Is 53:4-11).

Interessanti li ħutna l-Insara Ortodossi, fl-ikonografija, jiktbu l-maxtura ta’ Ġesù bħala s-salib. L-għaliex Ġesù, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, Alla nnifsu magħmul bniedem, sa minn twelidu beda jbati! Fi ftit kliem, beda jieħu fuqu l-mard tagħna! Beda jitgħabba bin-niket tagħna! Beda jgħaddi mit-tbatijiet li int u jien ngħaddu minnhom ta’ bnedmin! Mela, mhuwiex Alla li qiegħed tant u tant ‘il bogħod minna. Mhuwiex Alla li jaħrab mit-tbatija. U lanqas m’huma Alla-bniedem li, l-Missier Alla, ħatfu biex ma jbatix. Dan mhux l-Alla veru, l-Alla li jqimu l-Insara. L’Alla veru hu dak li jbati. Li jidħol fit-tbatijiet tagħna. L’Alla veru hu dak li jimxi mal-bniedem li ħalaq mhux biss għax ħalqu imma, u fuq kollox, għax fdieh! U fdieh billi sar bħalu! U ħa fuqu t-tbatija u l-mewt tal-ġisem! Imma hu, għax Alla magħna, Immanuel, qam minn bejn l-imwiet u tah il-ħajja ta’ dejjem!

X’umiltà mela hemm fih l’Alla veru, l’Alla li jqimu l’Insara! L’Alla li, għal ismu, Ġesù, li jfisser Alla li jsalva, kull spirtu ħażin irid jara x’se jagħmel għax ma joqgħodx fil-preżenza tiegħu! Għax liema spirtu mniġġeż jista’ tabilħaqq joqgħod ħdejn Ġesù? Ħdejn dan Alla magħmul bniedem li huwa d-dawl veru tagħna? Li huwa tassew il-ħajja tagħna? Li qalilna, bil-Kelma setgħana tiegħu: Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi (Ġw 14:6)?

Min ġej minn hawn u ftit jiem oħra? Min ġej biex jimla’ lil pajjiżna, lid-djar, lill-kunventi, lill-postijiet tax-xogħol u d-divertiment tagħna? Min ġej biex jagħtina l-arja friska tiegħu anki jekk l-arja issa ffriskat mhux ħażin? Min ġej biex ineħħi minn ġo fina u madwarna l-arja tqila tal-ħażen? Min ġej biex idaħħalna fl-intimità vera li ma tinxtarax bil-flus jew bil-favuri? Min ġej biex jgħallimna li l-imħabba hi gratwita u ma tingħatax b’favuri inkella bil-grazzja? Min ġej biex jagħtina idejH u jnaddafna? Min ġej biex, jekk inħalluH, jerġa’ jurina li HU waħdu t-triq għal għand il-Missier tagħna tas-Sema?

Issa li ġej il-Milied ħa nħallu lil Ġesù ifakkarna li fil-ħajja m’hemmx isbaħ mill-maħfra u mill-għajnuna. Li, l-ħajja vera, hi biss dik li lili u lilek terġa’ tqabbadna t-triq għat-talb! Għal dak it-talb li waħdu jbierek il-familji, il-knejjes, il-kunventi, il-postijiet tax-xogħol u tad-divertiment tagħna!

F’dawn il-jiem tant sbieħ kemm jinżilli għasel id-diskors mill-isbaħ li għandu Santu Wistin fuq is-Salmi. Meta jitħaddet dwar il-wegħdiet ta’ Alla li jseħħu fi Kristu hu jgħid:

“Alla għażel żmien biex fih jagħmlilna l-wegħdiet tiegħu, u żmien ieħor biex fih dawn il-wegħdiet iseħħu. … U ma kienx biżżejjed għalih li jagħmlilna wegħda, imma ried ukoll jorbot lilu nnifsu bil-miktub, jagħmel qisu kuntratt magħna fuq il-wegħdiet tiegħu, biex, meta jibda jroddilna dak li wegħedna, inkunu nistgħu nżommu l-kitba tal-wegħdiet quddiemna u naraw kif se jroddhomlna. Mela, kif għedna bosta drabi, żmien il-profeti kien żmien it-tħabbir tal-wegħdiet. Huwa wegħedna salvazzjoni għal dejjem, ħajja ta’ hena bla tmiem ma’ l-anġli, wirt li ma jitħassarx, glorja li ma tintemmx, il-ħlewwa tad-dehra ta’ wiċċu, id-dar qaddisa tiegħu fis-smewwiet, u l-qerda għal dejjem tal-biża’ tal-mewt billi jqajjimna mill-imwiet. … Lilna l-bnedmin wegħedna li nsiru allat, wiegħed il-ħajja ta’ dejjem lil dawk li għandhom ħajja li tintemm, il-ġustifikazzjoni lill-midinbin, il-glorja lill-imwarrbin.

Iżda, ħuti, billi l-wegħdiet ta’ Alla kienu qishom ħwejjeġ ma jitwemmnux, biex aħna nemmnu li minn din il-ħajja li tgħaddi, minn dan it-taħsir, tmaqdir, mard, trab u rmied għad insiru bħall-anġli tiegħu, Alla mhux biss nizzlilna kollox bil-miktub imma wkoll tana r-rahan tal-kelma tiegħu billi bagħtilna medjatur, mhux xi prinċep, anqas anġlu jew arkanġlu, iżda l-istess Ibnu l-waħdieni, biex b’Ibnu stess jurina u jiftħilna t-triq li minnha jrid iwassalna għal dak li wegħedna.

U ma kienx biżżejjed għal Alla jibagħtilna lil Ibnu biex jurina t-triq, iżda lilu stess għamlu t-triq tagħna, biex inti tgħaddi ‘l quddiem taħt it-treġija tiegħu u timxi permezz tiegħu. Kien għalhekk li Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex jiġi fost il-bnedmin, jieħu n-natura ta’ bniedem biex isir bniedem bħalna, imut, jirxoxta, jitla’ s-sema, joqgħod fil-lemin tal-Missier, u jtemm il-wegħdiet tiegħu lill-ġnus; mbagħad, wara dan, itemm ukoll kull ma qal dwar li għandu jerġa’ jiġi biex jitlobna dak li jistenna minna, jagħzel bejn dawk li ħaqqhom il-korla tiegħu u dawk li jistħoqqilhom il-ħniena, irodd lill-ħżiena l-kastig li bih heddidhom, u lit-tajbin il-premju li wegħedhom. Alla ħabbrilna u xandrilna dawn il-ħwejjeġ kollha minn qabel, u qawwielna qalbna għalihom, biex ma jkollniex il-biża’ li se jeħduna għal għarrieda, imma nemmnuhom u nistennewhom”.

Mela issa li ġej il-Milied ħa nieqfu nemmnu u nintrabtu mat-taħsir, it-tmaqdir, il-mard, it-trab u l-irmied li l-ħażen iġibna fihom! Ħa nibdew nemmnu fil-wirt li ma jitħassarx, fil-glorja li ma tintemmx, fil-ħlewwa tad-dehra ta’ wiċċU, fid-dar qaddisa tiegħu fis-smewwiet, u fil-qerda għal dejjem tal-biża’ tal-mewt u tal-ħażen!

Ħa nduru lejH bil-qrar, bis-smiegħ tal-quddiesa tal-Ħadd u l-Festi, bit-talb tal-Ħniena Divina u r-Rużarju, bis-sawm, bil-qari tal-Kelma ta’ Alla, bl-opri tal-ħniena u bil-maħfriet li rridu nagħtu lil xulxin! Hekk ħajjitna tkun tista’ tgħid: B’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela (S 63:6). Għax ħadd daqs Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj u magħmul bniedem għalina, ma jista’ jagħtina l-vera ħajja ta’ dejjem ma’ Alla l-Missier! Dan Ġesù li għalih is-salmista jgħid: Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna (S 77:14)?

F’dan għandna veru naħsbu issa li ġej il-Milied!…

Patri Mario Attard OFM Cap

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.